Malta, mill-ġdid, qed tiġi mbassra li se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku mis-sebgħa u għoxrin stat fl-Unjoni Ewropea, din is-sena u anke fis-sentejn li ġejjin. Dan ħareġ mit-tbassir ekonomiku aġġornat għall-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, li ġie ppubblikat il-Ġimgħa filgħodu mill-Kummissarju Paolo Gentiloni.
Minn dan ir-rapport jirriżulta li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’rata ta’ 5%, li hi l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Hawn il-Kummissjoni Ewropea tejbet l-aspettattiva tagħha għal Malta fuq dak li kienet bassret fir-rapport preċedenti tar-rebbiegħa. Dakinhar, il-Kummissjoni Ewropea kienet antiċipat li l-ekonomija Maltija se tikber b’4.6%, iżda issa qed tgħid li din se tikber b’5%.
Dan filwaqt li għas-sena d-dieħla u ta’ wara, il-Kummissjoni Ewropea wkoll qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku Malti mistenni jkun ta’ 4.3%. Minkejja li t-tkabbir se jonqos, l-ekonomija Maltija se tibqa’ bl-akbar rata ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea.
It-tkabbir ekonomiku Malti se jkompli jiżboq sew il-medja tat-tkabbir fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, hekk kif dan se jibqa’ aktar mid-doppju mill-medja tal-ekonomija Ewropea.
Minbarra hekk, l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibqa’ żżomm momentum qawwi, l-aktar minħabba li d-domanda domestika għadha b’saħħitha. Issemma wkoll is-settur turistiku li hu b’saħħtu ħafna u anke l-impjiegi, fejn ingawdu prattikament minn full-employment.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li r-rata tal-qgħad se tkompli tinżel, għall-inqas livelli storiċi.
It-tbassir Ewropew ukoll jara li l-inflazzjoni f’pajjżina se tkompli nieżla għal 2.2% is-sena d-dieħla u 2% is-sena ta’ wara, li hi l-mira stabbilita mill-istituzzjonijiet finanzjarji globali.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar ukoll li d-defiċit tal-Gvern se jkompli jonqos, waqt li d-dejn meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross se jibqa’ madwar 10% inqas minn dak stabbilit mill-kriterji tal-Unjoni Ewropea.
Dwar din l-aħbar irreaġixxa l-Prim Ministru Robert Abela li, fuq X, sostna li, għal darb’oħra, il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’il fuq it-tbassir ekonomiku tagħha għal Malta.
Tenna li t-tkabbir ekonomiku mbassar ta’ ħamsa fil-mija għal din is-sena hu ħames darbiet aktar mill-medja Ewropea.