Ilbieraħ, id-diplomazija mmirata biex tassigura waqfien mill-ġlied fil-Libanu wriet sinjali żgħar ta’ progress hekk kif Iżrael kompla b’attakki qawwija fuq il-pajjiż ġar tiegħu, inklużi bombardamenti qawwija mill-ajru fuq fortizza tal-Hezbollah qrib Bejrut.
Hekk kif Iżrael kompla bl-offensiva tiegħu kontra l-grupp militanti li għandu l-appoġġ tal-Iran, għat-tielet jum konsekuttiv, ġew attakkati s-subborgi tan-Nofsinhar ta’ Bejrut li jinsabu kkontrallati mill-Hezbollah.
Dħaħen dehru telgħin minn Dahiyeh hekk kif skont sorsi infurmati inqerdu ħames binjiet. Il-militar ta’ Iżrael qalu li fil-mira kellhom mħażen tal-armi, kwartieri ġenerali militari u siti oħra tal-Hezbollah.
Barra minn hekk, attakki fuq il-belt ta’ Baalbek qatlu mill-inqas 20 persuna filwaqt li 11 mietu f’attakk mill-ajru Iżraeljan fuq bliet fin-Nofsinhar tal-Libanu.
Iżda fuq nota pożittiva, l-Ambaxxatur Amerikan għal-Libanu, ilbieraħ ippreżenta abbozz ta’ proponiment għall-waqfien mill-ġlied lill-ispeaker tal-Parlament tal-Libanu Nabih Berri. Jidher li dan l-abbozz huwa l-ewwel wieħed bil-miktub li sar mill-Istati Uniti f’dawn l-aħħar ġimgħat u li qed jipproponi l-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hezbollah.
Għalkemm ma ħarġux dettalji dwar x’fieh l-abbozz però jidher li l-ottimiżmu li dan jista’ jwassal għal waqfien mill-ġlied u l-aktar għoli minn meta beda l-kunflitt.
Jidher li l-amministrazzjoni tal-President Amerikan Joe Biden qed tagħmel l-aħħar sforzi tagħha għall-paċi fil-perjodu tranżitorju qabel mal-President Elett Donald Trump jieħu pussess tal-White House f’Jannar.