Mijiet ta’ dimostranti nġabru f’subborg fit-Tramuntana ta’ Pariġi lbieraħ filgħaxija, żewġ kilometri biss ’il bogħod minn Stade de France fejn intlagħbet il-partita kontroversjali tal-UEFA Nations league bejn Franza u Iżrael.
Ħafna mill-protestanti f’Saint Denis ikkundannaw lil Franza talli ospitat il-logħba u esprimew ir-rabja tagħhom li attendew il-President Emmanuel Macron u politiċi prominenti oħra.
Il-protesta saret fl-istess jum li kumitat speċjali tal-Ġnus Magħquda qabbel il-metodi li qed jintużaw minn Iżrael f’Gaża ma’ ġenoċidju. Filfatt ħafna mis-slogans użati fuq il-banners u l-posters waqt id-dimostrazzjoni kienu qed jirreferu għal dan.
Preżenza qawwija tal-pulizija, inklużi drones u ħelikopters, ipprevenew kwalunkwe protesta jew ġlied maġġuri qrib l-istadium. Madanakollu, ġewwa l-istadium inqala’ battibekk fl-istands bejn il-partitarji rivali. Kien hemm ukoll xi partitarji li waqt l-innu nazzjonali ta’ Iżrael bdew isaffru u jibbuwjaw.
Minħabba tħassib ta’ sigurtà u anke peress li ħafna partitarji ibbojkottjaw il-logħba, inbiegħu biss 13,000 biljett – l-inqas attendenza qatt irrekordjata fl-istorja tal-logħbiet domestiċi tat-tim Franċiż.