“Il-Gvern iħares lejkom bħala l-mutur ewlieni li permezz tiegħu dan il-pajjiż jista’ jkompli jinbidel u jirriforma ruħu għall-aħjar.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt sessjoni oħra tal-Youth Advisory Forum u għaqdiet oħrajn taż-żgħażagħ fejn ġie diskuss il-Baġit għas-sena d-dieħla.
Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ bħala xprun għal perspettivi oġġettivi u ideat friski, l-aktar illum fejn il-Gvern jinsab f’pożizzjoni li jimbotta politika li tagħti prijorità lill-kwalità fuq il-kwantità.
Dr Abela rrimarka numru ta’ temi kruċjali fil-ħajja ta’ kuljum bħala kwalità għall-poplu, fi sfond ta’ aktar deċiżjonijiet li jiżguraw tkabbir ekonomiku sostenibbli u investiment ta’ valur miżjud f’pajjiżna, inkluż il-prijorità tal-Gvern għall-ambjent u l-ħolqien ta’ spazji pubbliċi.
Dr Abela indirizza wkoll suġġetti li ngħataw prominenza fil-Baġit, bħas-saħħa mentali u l-isport fejn, bħala eżempji, semma miżuri konkreti li tħabbru.
Il-Prim Ministru temm jgħid li, waqt li jħares ’il quddiem biex fil-futur jara liż-żgħażagħ mal-mejda tad-deċiżjonijiet, il-Gvern sadanittant se jkompli jistinka biex ikollna ekonomija u soċjetà stabbli u soda.