L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SiGMA Europe, li qed tiġi ospitata bħalissa f’pajjiżna, mistennija tħalli mal-mitt miljun ewro fl-industrija turistika nazzjonali.
Il-vantaġġi marbutin mal-organizzazzjoni ta’ konferenzi ta’ dan it-tip fostna ġew innotati wkoll mill-midja internazzjonali, fejn b’mod partikolari s-sit speċjalizzat, Gambling Insider, enfasizza l-importanza li għandha s-SIGMA fis-setturi innovattivi tal-gaming u l-fintech.
Parti minn industrija, li qed tkompli tikber u tiġi attirata f’pajjiżna fejn qed toffri fost l-aktar impjiegi ta’ kwalità.
Madankollu, l-importanza ta’ din il-konferenza ma tibqax biss fis-setturi immirata għalihom, iżda l-vantaġġi tagħha wkoll qed jinħassu minn diversi oqsma lokali oħrajn, primarjament dak turistiku, tant li jingħad li s-SIGMA din is-sena mistennija tikkontribwixxi mat-tlieta fil-mija tad-dħul ta’ dan is-settur.
Hawn ġie nnotat kif din il-konferenza kibret b’mod sinifikanti fl-aħħar għaxar snin mindu bdiet u dak iż-żmien kienu ħadu sehem mal-elf u ħames mitt delegat. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena hu stmat li ġew mas-sebgħa u għoxrin elf delegat biex jieħdu sehem.
Importanza qed tingħata wkoll lill-fatt li din il-konferenza qed issir fix-xhur mhux normalment marbutin mat-turiżmu, magħrufin bħala l-off-peak, u allura qed isservi ta’ eżempju li bih is-settur turistiku ta’ pajjiżna qiegħed ikun sostenbbli matul is-sena kollha.
F’kummenti lill-istess Gambling Insider, il-Kap Eżekuttiv ta’ SiGMA Europe, Eman Pulis, ukoll tkellem dwar dak li din il-konferenza qed tħalli f’Malta, waqt li nnota li mhux l-ewwel darba li sema’ kif ideat li nibtu waqt il-konferenza wasslu biex kumpaniji internazzjonali jiftħu bażi fostna wkoll.
Wara Malta, l-avvenimenti tas-SiGMA wkoll mistennija jespandu b’mod sinifikanti madwar id-dinja matul is-sena d-dieħla, fosthom f’Dubai, Cape Town, São Paulo u Budapest.
Sadanittant, l-importanza tas-SIGMA ġiet ukoll innotata minn imprenditur ieħor lokali, li fuq il-midja soċjali enfasizza l-vantaġġi dan iġib miegħu f’pajjiżna minkejja inkonvenjenzi li jista’ joħloq.
Anke jekk mhux involut fis-SIGMA, Adrian J. Mizzi, li hu responsabbli mill-Malta Fashion Week, wieġeb għas-sentiment ta’ ħafna li kkummentaw dwar it-traffiku li nħoloq billi qal li l-konferenza, li toffri xogħol lil eluf ta’ Maltin meta ssir, hi kruċjali għall-ekonomija. PIC
U qal li, jekk din ma ssirx fil-post fejn qegħda ssir fil-Marsa, l-alternattiva tkun li tmur l-Italja, bil-konsegwenza li pajjiżna jitlef il-frott kollu li din qed tħalli.