F’għaxar snin il-Gvern ħareġ mal- €120 miljun għall-mediċina tal-kanċer lill-pazjenti li jirrikorru għand il-Malta Community Chest Fund u li me kenux fil-formolarju tal-Gvern.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, fejn taw id-dettalji b’rabta mad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa sabiex il-Gvern jieħu hu f’idejh il-piż finanzjarju ta’ dawn il-mediċini ġodda, li sal-lum mhumiex b’xejn, minn fuq spallejn l-MCCFF u l-pazjenti u l-familji tagħhom.
Din is-sena il-Gvern diġa ħareġ mat- €22 miljun għal dawn il-mediċini u ONE NEWS jinsab infurmat li sal-aħħar ta’ din is-sena iċ-ċifra mistennija titla’ bi 8 miljun ewro oħra.
Id-diskussjonijiet se jwasslu sabiex eventwalment jiġi stabbilit mekkaniżmu li l-pazjenti mhux se jkollhom għalfejn aktar imorru għand l-MCCFF jitolbu din l-għajnuna bil-Gvern se jkun qed jagħtiha awtomatikament.
L-MCCFF se tkun qed tiffoka l-għajnuna tagħha f’każijiet oħra soċjali u xorta għandha bżonn l-għajnuna u l-qalb tajba tal-poplu Malti u Għawdxi, fosthom fl-Istrina.