Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ngħata r-raġun mill-Qorti dwar il-mandat li ressaq hu biex ma jixxandrux spots dwar il-Baġit fuq ix-xandir nazzjonali, anke jekk il-kawża spiċċat intremiet ’il barra mill-awli ġudizzjarji.
Il-mandat, li tqabbad iressqu l-eks Segretarju Ġenerali ta’ żmien GonziPN, Pawlu Borg Olivier, kellu l-intenzjoni li jwaqqaf ix-xandir ta’ tagħrif dwar kif il-Baġit għas-sena dieħla se jolqot liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Quddiem il-Parlament, ONE News għamel mistoqsija sempliċi lill-Kap Nazzjonalista, jiġifieri jekk il-Qorti għamlitx ħażin li ddeċidiet kontra l-mandat li fetaħ il-Partit tiegħu fuq ir-reklamar tal-Baġit. Mal-mikrofonu tagħna, wieġeb hekk:
“Il-Qorti qalet li għandna raġun.”
Bernard Grech
Iżda l-fatti jgħidu kompletament l-oppost.
Fil-fatt, fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Miriam Hayman remiet l-argumentazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn qalet li l-Gvern kien qiegħed jispjega il-baġit għas-sena d-dieħla, skont id-doveri tiegħu. Dan filwaqt li nnotat kif inhu d-dritt tal-pubbliku li jiġi mgħarraf dwar il-baġit.
Minkejja dan, fil-psiki tal-Kap Nazzjonalista u d-deputati tiegħu, il-Qorti ddeċidiet favurihom, b’uħud, bħal Beppe Fenech Adami, li saħansitra, għal darba tnejn, qal lill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon li ma fehemx is-sentenza tal-Qorti.
“Ċaħditu fuq punti legali li inti ma tifhimx fihom.”
Beppe Fenech Adami
Fuq l-istess ton ta’ arroganza, kompla d-Deputat Darren Carabott, li bagħatna naqraw id-deċiżjoni tal-Qorti.
“Ara x’tgħid is-sentenza.”
Darren Carabott