Il-Gvern se jagħti inċentivi lill-produtturi u l-bejjiegħa biex il-prodotti li jkunu kważi se jiskadu jingħataw għall-bżonnijiet soċjali jew jinbiegħu bi prezz orħos. Dan intqal mill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura Anton Refalo, meta fil-Parlament ġew diskussi l-estimi tad-dekasteru tiegħu.
Il-Ministru semma wkoll kif is-sena d-dieħla se jiġu offruti inċentivi biex jiġu mgħejjuna l-bdiewa li jixtiequ jkabbru, imma ma jistgħux minħabba nuqqas ta’ raba agrikola.
Hawnhekk ħabbar li se jibda proġett-pilota li, permezz tiegħu, art se tiġi offruta, inkluż lill-bdiewa żgħażagħ.
Tkellem ukoll dwar il-politika nazzjonali dwar is-sigurtà tal-ikel, anke minħabba sfidi relatati mat-tibdil fil-klima.
“Neħtieġu pjan nazzjonali komprensiv għall-ilma tat-tisqija, pjan li jiżgura s-sigurtà tal-ilma, jisfrutta l-innovazzjoni u joħloq sistemi, li jippermettu lill-agrikoltura tirnexxi, anke quddiem dawn id-diffikultajiet.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru kompla li, fix-xhur li ġejjin, l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta, flimkien mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, se toħroġ sejħa pubblika biex jinbnew impjanti f’pajjiżna biex ir-raħħala jkollhom fejn jarmu d-demel ħalli mhux biss dan jiġi ttrattat, imma wkoll ipproċessat fi prodotti fl-ekonomija ċirkolari.
Fl-istess seduta Parlamentari tkellmet is-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Alicia Bugeja Said, li fakkret fl-iskema ta’ sussidji tal-fuels lis-sajjieda, fejn din is-sena ġew investiti mal-miljun ewro.
Hawnhekk hi wkoll innotat kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tgħawweġ il-fatti dwar is-setturi tal-agrikoltura u s-sajd, hekk kif il-baġit għas-sena d-dieħla qed jinvesti iżjed kemm fis-sajjieda kif ukoll fid-drittijiet tal-annimali, b’total ta’ tmin miljun ewro.
Għamlet dan ukoll b’botti dwar id-dokument tal-Oppożizzjoni, li ġie deskritt bħala “bla sustanza”.
“Dan hu l-beef li aħna rridu, din hi l-kwalità li se nibqgħu naħdmu għaliha. U għalhekk wieħed faċli jikkonkludi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jidher li m’għamilx il-homework tiegħu sew. Jekk ried ftit beef, missu qabad id-dokument tal-baġit u xtarru sew. Għax jekk se jibqa’ jistenna lill-kollegi tiegħu biex jagħtuh il-beef, wisq nibża’ li ħa jaqleb vegeterian.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said