Fabian Catania ta’ 44 sena ġie kkundannat 18-il sena ħabs wara li ammetta li sitt snin ilu kellu fil-pussess tiegħu madwar 73 kilo kannabis, b’valur fit-triq li jlaħħaq iż-żewġ miljun ewro.
Fil-Qorti, quddiem l-imħallef Natasha Galea Sciberras, intqal kif l-akkużat kien arrestat fit-30 ta’ Ġunju tal-2018 wara suspetti mill-Pulizija li kien se jsir it-traffikar tad-droga ħdejn pompa tal-petrol.
Wara osservazzjoni tal-movimenti tar-raġel, li kien qed isuq vann mgħobbi b’għamara antika, il-pulizija intervjeniet fejn instabu numru ta’ pakketti bil-kannabis li, minn testijiet li saru akar tard, irriżulta li kienet 6.5% pura.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, Catania ġie mmultat €30,000, waqt li ġie ordnat iħallas ukoll ftit aktar minn €3,000 għall-ispejjeż tal-Qorti.