Erbat irġiel Maltin, li għandhom bejn 36 u 46 sena, ġew arrestati mill-Pulizija wara operazzjoni suċċess fil-Port Ħieles. F’din l-operazzjoni, il-Pulizija qabdet 146 kilogramma droga, allegatament kokaina, destina għas-suq lokali.
Fi stqarrija ntqal li waqt spezzjonijiet li l-Pulizija kienet qed tagħmel fil-Port Ħieles, b’assistenza mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istess Port, ilbieraħ għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ waranofsinhar, twaqqaf trailer li kien ħiereġ mill-Port Ħieles, bħala parti minn investigazzjonijiet b’rabta ma’ importazzjoni tad-droga f’pajjiżna.
Wara spezzjoni li saret fil-kabina, wara x-xufier u l-passiġġier instab l-ammont ta’ 105 kilogrammi droga suspettata kokaina.
Aktar tfittxijiet li saru f’kontejner fl-istess Port wasslu għas-sejba ta’ 41 kilogrammi oħra ta’ droga, ukoll maħsuba kokaina.
Li jfisser li nstab total ta’ 146 kilogramma droga, suspettata kokaina, b’valur fit-triq li jlaħħaq l-€20 miljun.
Jidher li din id-droga, li oriġinat mill-Ekwador, kienet destinata biex tinbiegħ fis-suq lokali.
Apparti x-xufier u l-passiġġier tat-trailer, it-tnejn burdnara, ġew arrestati wkoll żewġ ħaddiema tal-Port Ħieles.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Ian Farrugia, waqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
RITRATTI: CMRU