Kien nhar it-13 ta’ Diċembru tal-1974 meta, taħt xita qliel, il-poplu Malti u Għawdxi kien reħielha lejn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta biex jassisti għad-diskors tal-ewwel President ta’ Malta, Sir Anthony Mamo.
Ħamsin sena wara, il-Maltin u l-Għawdxin, għal darb’oħra, se jkunu mistednin fl-istess pjazza biex jassistu għal storja oħra, l-istorja ta’ Malta Repubblika.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie mħabbar li, fost id-diversi attivitajiet li se jkunu qed jittellgħu bejn it-13 u l-15 ta’ Diċembru bl-isem ta’ “L-Istorja, Int”, se jkun hemm spettaklu awdjo-viżiv fi Pjazza San Ġorġ fil-qofol ta’ dan l-anniversarju, bil-faċċata maestuża tal-Palazz tal-President sservi bħala tila moderna biex tiġi rrakkontata l-istorja ta’ pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Festi Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, Liam Gauci, irrimarka li, bħala pajjiż, il-mixja biex naslu s’hawnhekk ma kinitx faċli u l-50 sena anniversarju tar-Repubblika għandu jfakkarna xi tfisser din il festa.
“Aħna qed niċċelebraw li, fl-1974, missirijietna kellhom il-kostituzzjoni li xtaqu wara mijiet ta’ snin. Fl-aħħar pajjiżna kellu l-President, President Malti, bħali u bħalek, u allura l-mixja tagħna bħala poplu bdiet. U qegħdin hawnhekk ħamsin sena wara niċċelebraw dawn il-kisbiet. Imma s-sabiħ ta’ dan kollu hu li issa, ħamsin sena wara, minn fejn bdejna, fejn qegħdin u fejn sejrin. U sejrin ilkoll flimkien bl-aħmar u l-abjad li hi Malta b’rappreżentanti mill-kostituzzjoni li lkoll flimkien naqduha bħala kostituzzjoni, dik li ġġiliedna għaliha fl-1974.”
Iċ-Chairman tal-Festi Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, Liam Gauci
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal kif, Malta u l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu li jiċċelebra bil-kbir dan l-avveniment nazzjonali. Għaldaqstant qed jitħejjew ċelebrazzjonijiet kbar u denji li jixirqu u jfakkru l-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika.