L-esperta Serba, li tqabbdet mill-Maġistrat Gabriella Vella biex tkun forensic accountant fl-inkjesta maġisterjali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet m’għandhiex warrant u ma kinitx fil-pussess ta’ warrant meta wettqet ix-xogħol fl-inkjesta li, mill-konklużjonijiet tagħha, tressqu diversi nies il-Qorti, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan l-iżvilupp li l-esperta Serba ma kellhiex warrant ħareġ fil-Qorti meta hi stess qalet dan fuq il-pedana tax-xhieda għal mistoqsija tad-difiża ta’ Dr Muscat.
Is-Serba Miroslava Milenovic qalet ukoll li l-Maġistrat Inkwirenti Gabriella Vella ma talbithiex għall-warrant, waqt li d-difiża ta’ Muscat staqsiet għall-kwalifiċi tagħha.
Il-Maġistrat Rachel Montebello talbet lix-xhud tibqa’ twieġeb, minkejja li ilmentat għall-mistoqsijiet tad-difiża. Is-Serba qalet li qed tħossha insulentata b’mistoqsijiet dwar il-kwalifiċi tagħha u qalet li hi saret accountant b’kors li għamlet f’Belgrad u qalet li għandha aktar minn 20 sena esperjenza u ħadmet f’diversi aġenziji.
F’mument minnhom fl-awla, id-difiża ta’ Dr Muscat qalet li lemħet lix-xhud tehmeż lil xi ħadd u kien hawn li l-Maġistrat Montebello talbet għal spjegazzjoni mis-Serba.
Din wieġbet li kollegi tagħha li jagħmlu xogħol bħalha għandhom ilestu ruħhom dwar kif għandhom jixhdu.