Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin kompla bil-vjaġġ tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa, bi żjarat fil-Montenegro u fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Fil-kariga tiegħu ta’ Chairperson tal-OSCE, id-Deputat Prim Ministru Malti ltaqa ma’ mexxejja ewlenin u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
F’Podgorica, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg kellu laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro, Ervin Ibrahimović, fejn iddiskutew l-inizjattivi kontinwi tal-pajjiż b’kollaborazzjoni mal-OSCE.
Id-delegazzjoni Maltija tal-OSCE kellha wkoll diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-ġurnalisti, fejn enfasizzat l-isforzi kontinwi tal-Organizzazzjoni biex tippromwovi l-libertà tal-midja u s-sikurezza tal-ġurnalisti.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Borg ikkundanna l-attakk tal-Ħadd filgħaxija fuq ġurnalist lokali, u faħħar lill-awtoritajiet tal-Montenegro talli minnufih ikkundannaw din il-vjolenza.
Imbagħad, fil-kapitali tal-Maċedonja ta’ Fuq, Skopje, il-Ministru Borg iltaqa’ mal-Prim Ministru Hristijan Mickoski, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Timcho Mucunski, u mal-President tal-Assemblea Afrim Gashi.
Iċ-Chairperson tal-OSCE rringrazzja lill-Maċedonja ta’ Fuq għall-kontribut attiv tagħha fl-OSCE permezz tal-Presidenza tagħha fl-2023, qabel ma għaddiet it-tmexxija lil Malta sena ilu.
Id-Deputat Prim Ministru Malti ngħaqad ukoll mal-Ministru Mucunski u maċ-Chairperson tal-2025, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Finlandja Elina Valtonen, għal laqgħa importanti tat-Trojka tal-OSCE, qabel il-Kunsill Ministerjali tax-xahar id-dieħel li se jsir f’Malta, li se jlaqqa’ flimkien il-ministri għall-affarijiet barranin tas-57 stat parteċipanti tal-Organizzazzjoni.
“Il-Kunsill Ministerjali f’Malta se jkun opportunità biex naħdmu flimkien lejn futur ta’ reżiljenza, sigurtà u prosperità,” afferma l-Ministru Borg.