Il-Vatikan żvela l-maskot uffiċjali tal-Ġublew 2025, il-perjodu speċjali ta’ spiritwalità u maħfra fil-Knisja Kattolika li jsir kull 25 sena f’Ruma.
Il-maskot, li ingħatat l-isem ta’ Luce, li tfisser dawl bit-Taljan, hija liebsa ġakketta tax-xita safra, boots maħmuġa u salib madwar għonqha. Hija kienet iddisinjata mill-artist Simone Legno u ġiet ippreżentata minn Monsinjur Rino Fisichella li huwa responsabbli mill-attivitajiet kollha li jippromwovu s-Sena Mqaddsa.
Luce se tkun ukoll il-maskot għall-paviljun tal-Vatikan waqt l-Osaka Expo tas-sena d-dieħla.
Il-maskot għandu ħafna mill-istil tal-komiks tal-Anime Ġappuniż fejn Monsinjur Fisichella qal li “id-disinn kien magħmul għax-xewqa li ngħixu fi ħdan il-kultura pop tant maħbuba miż-żgħażagħ tagħna.”
Luce għandha ħafna karatteristiċi tipiċi ta’ pellegrin bil-ġakketta li tipproteġiha mill-maltemp, il-boots maħmuġa bil-ħmieġ tat-triq, salib missjunarju madwar għonqha u bastun tal-mixi.
Id-disinn huwa tal-artist viżwali minn Ruma Simone Legno li huwa l-aktar magħruf għall-kreazzjoni tiegħu tal-marka tokidoki. Id-disinji ta’ Legno huma influwenzati mill-interess tiegħu fil-kultura Ġappuniża kif ukoll l-arti tat-triq u graffiti.