Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, li se jara nurses jikkontribwixxu f’servizz ġdid telefoniku fuq 1400, bħala parti minn dak ta’ emerġenza.
Sistema ċentralizzata u intenzjonata li, permezz ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa, tiġi assessjata l-gravità ta’ ċerti każi u persuna li ċċempel tkun tista’ tiġi ggwidata lejn l-aħjar faċilità ta’ emerġenza disponibbli fil-pajjiż.
Stqarrija tal-MUMN qalet li s-servizz, li mhux se jieħu post in-numru ta’ emerġenza 112, se jopera bi proċeduri siguri fejn kull każ ikun analizzat biex tiżdied l-effiċjenza u ma jintilifx ħin biex tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
L-unjin qalet li tinsab kburija li l-membri tagħha se jikkontribwixxu f’dan il-proġett innovattiv u dalwaqt se toħroġ sejħa għall-infermieri u dawk magħżulin jirċievu t-taħriġ neċessarju biex ikunu familjari mal-proċess.
Se ssir ukoll kampanja edukattiva dwar kif jopera u jista’ jintuża s-servizz.