Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-infiq sħiħ mit-turisti, li żaru pajjiżna, kien stmat li jlaħħaq it-tnejn punt sitt biljun ewro, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistka, l-NSO.
Fil-fatt, bejn Jannar u Settembru li għaddew, il-kwalità tat-turisti kompliet tiżdied hekk kif dawn ħallew aktar flus fl-ekonomija Maltija meta mqabbel mas-sena l-oħra, li rreġistrat l-aħħar rekord nazzjonali.
Iż-żieda kienet tlaħħaq għal tlieta u għoxrin punt erbgħa fil-mija.
L-infiq medju, ras għal ras, tela’ għal disa’ mija u sitta u għoxrin ewro kull turist.
Statistika separata mill-NSO, uriet li, f’Settembru biss, in-nefqa tat-turisti qabżet it-tliet mija u ħamsa u tmenin miljun ewro, erbgħa u għoxrin fil-mija aktar. Dan meta kważi tliet mija u erbgħin elf turist żaru Malta għal btala u aktar minn ħmistax-il elf għal raġunijiet ta’ xogħol.
Sadanittant, mill-istatistika tal-ewwel disa’ xhur, joħroġ li aktar minn żewġ miljun, seba’ mija u sitta u sittin elf turist żaru pajjiżna. Żieda ta’ 21.1 fil-mija fuq l-istess perjodu sena ilu.
Dan filwaqt li kważi sittin fil-mija tat-turisti kollha f’pajjiżna raqdu mill-inqas lejl f’Għawdex.