B’investiment ta’ €15-il miljun, li ġejjin minn fondi Ewropej, se jsir il-proġett taċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fil-Marsa u, għal dan il-għan, fis-sigħat li ġejjin se joħroġ tender biex titnaddaf art, ftit inqas minn tliet grawnds tal-futbol, fiż-żona ta’ Albert Town.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, il-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
L-uffiċjal fil-Ministeru Simon Abela spjega kif dan il-kumpless se jinkludi fih faċilitajiet għall-artisti kollha, bil-għan li l-hub jilqa’ l-ġeneri kollha kulturali, bi spazji wkoll għal bands, rehearsals, green room u swali taż-żfin. Dan flimkien mal-artisti tal-Karnival, bi mħażen għall-karrijiet u żoni għall-ħajjata, fost oħrajn.
Minbarra hekk se jkun hemm pjazza miftuħa, li hi d-doppju ta’ Pjazza San Ġorġ fil-Belt.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, spjega dwar il-konsultazzjoni li saret qabel ħarġu dawn il-pjani.
“Biex wasalna s’hawnhekk, fl-aħħar żmien, iltqajna ma’ diversi entitajiet kulturali, mhux biss tal-Karnival, imma entitajiet oħrajn, li lkoll kemm huma jaħdmu f’dan is-settur.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, sostna li dan il-proġett se joħloq ideat ġodda mill-artisti, waqt li jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Il-Ministru Bonnici sostna li dan hu t-tielet proġett massiċċ fis-settur kulturali f’din il-leġiżlatura, wara dak tar-restawr tal-Palazz tal-Granmastru u l-ftuħ tal-MICAS.
“Bis-saħħa ta’ din il-binja, bis-saħħa ta’ din l-istruttura l-ġdida, se nkunu qed intellgħu, b’investiment inizjali ta’ €15-il miljun, li ġejjin minn fondi Ewropej, se nagħtu faċilitajiet ġodda lil ħafna artisti, inkluż id-dilettanti tal-Karnival, li żgur ilhom jistennew li jkollhom aktar faċilitajiet biex ikomplu jsaħħu l-ħidma tagħhom f’dan is-settur.”
Intqal li l-ħidma dwar iċ-ċentru se tibda fil-bidu tas-sena l-ġdida, waqt li se jitlesta fi żmien erba’ snin.