Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard qed jistieden żgħażagħ dinamiċi biex iżuru u jesperjenzaw il-Parlament Ewropew mill-qrib, daqs li kieku kienu Ewroparlamentari.
B’kollaborazzjoni mal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u mal-għaqda studenteska Pulse, dan il-programm joffri opportunità unika liż-żgħażagħ progressivi biex iqattgħu ġimgħa ma’ Daniel Attard u jidħlu fil-qalba tal-ħidma Parlamentari fi Brussell u fi Strasburgu.
L-għan tal-programm mhux li joffri sempliċiment żjara, imma pjattaforma biex iż-żgħażagħ jipparteċipaw f’diskussjonijiet, jaqsmu l-ideat u, flimkien ma’ Attard, jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-Ewropa.
L-inizjattiva hi miftuħa għal żgħażagħ fl-età ta’ bejn it-18 u l-35 sena u li għandhom interess f’oqsma tal-politika Ewropea, bħat-trasport, it-turiżmu, it-teknoloġija, l-enerġija u l-iżvilupp reġjonali.
Dawk interessati jistgħu japplikaw fuq il-portal danielattard.com/observation-visits/.