Proġett-pilota, li tnieda sentejn ilu biex jiżdied il-ħin li l-istudenti jagħmlu f’attivitajiet fiżiċi, kien ta’ suċċess, biex fil-fatt issa qed jipparteċipaw fih ħames kulleġġi differenti, b’aktar minn ħames mitt klassi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop tal-Kulleġġ San Benedittu, proprju fejn bdiet l-inizjattiva.
Ġie spjegat li bejn is-sena skolastika 2022-2023 beda l-pjan li ssir sessjoni waħda ta’ attività fiżika kuljum, bil-għan li pajjiżna jimxi lejn mudell fejn inrawmu t-tfal minn età bikrija jkunu attivi f’ħajjithom.
Fi preżentazzjoni dettaljata li ngħatat mis-Surmast tal-iskola, intqal li fl-aħħar mill-aħħar l-proġett ammonta għal erba’ lezzjonijiet fil-ġimgħa u mitt lezzjoni fis-sena skolastika. Żieda ta’ siegħa u erbgħin minuta fuq is-sistema ta’ qabel.
Ġie rrimarkat li, bis-saħħa ta’ moniteraġġ li sar minn diversi persuni, irriżulta li dan il-proġett ħalla l-frott tiegħu hekk kif il-maġġoranza tal-istudenti qed ikunu aktar ħerqanin biex imorru l-iskola.
Mir-risposti ta’ aktar minn elf u ħames mitt student, li qed jibbenefikaw minn din il-miżura, ħareġ kif dawn ukoll qed itejbu l-ħiliet tagħhom u mhux biss fl-isports, waqt li personalment iħossuhom aħjar dwarhom infushom, inkluż fil-lezzjonijiet l-oħrajn.
Mill-preżentazzjoni ħareġ ukoll li l-aktar sport popolari fost it-tfal jibqa’ l-futbol, waqt li r-reazzjoni tal-għalliema kienet li, b’aktar attività fiżika, l-istudenti jġibu ruħhom aħjar, jagħmlu xogħol tal-klassi f’inqas ħin u jifhmu lilhom iżjed. Il-ġenituri wkoll qalu tagħhom fejn urew ix-xewqa li dan il-proġett jibqa’ għaddej.
Il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni u l-isport, Clifton Grima, sostna meta nkomplu nisimgħu mingħand l-istudenti, hi l-aqwa għodda biex is-settur edukattiv jibqa’ miexi ’l quddiem.