‘Cookie Box’, produzzjoni ċinematografika Maltija mid-direttur Adam Żurawiecki, sabet ruħha fost ir-rebbieħa fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Golden Knight Malta International Film Festival, li għandu l-appoġġ tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Film qasir Malti kien ilu tmin snin ma jispiċċa mar-rebbieħa f’dan il-festival, li ilu jiġi organizzat mill-Malta Cine Circle għal dawn l-aħħar 62 sena.
Produzzjoni lokali oħra bl-isem ta’ ‘Nailed It!’ minn Luke Vella Clark irċieva ċertifikat tal-ogħla tifħir.
Iż-żewġ films Maltin kienu qed jikkompetu fost 388 produzzjoni, fil-maġġoranza Ewropej, li ġew innominati. Fil-fażi finali kienu 18-il film li ġew iġġudikati fejn ‘Cookie Box’ spiċċa mal-ħames rebbieħa.
Il-films rebbieħa se jkunu qed jintwerew waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fit-30 ta’ Novembru mis-7:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem fit-teatru tal-Malta Experience fil-Belt Valletta.
Id-dħul hu b’xejn, iżda jrid isir booking b’imejl fuq bookings@goldenknightmalta.org jew bit-telefown fuq 9946 0866.