Mis-sena d-dieħla se tinfetaħ Villa Lauri f’Birkirkara, akkomodazzjoni għall-istudenti Għawdxin, li qed jistudjaw f’Malta, u qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, waqt li ġew diskussi l-estimi tal-Baġit 2025 għal dan il-Ministeru. Intqal li x-xogħol strutturali f’din id-dar issa tlesta.
“B’hekk qed naraw li, fil-bidu tas-sena skolastika l-ġdida, din id-dar f’Birkirkara tilqa’ fi ħdanha l-ewwel studenti Għawdxin li jagħżlu li joqogħdu fiha. Dan se jseħħ billi jidħol fis-seħħ mekkaniżmu, fejn l-ewwel preferenza tingħata lil dawk l-istudenti li ġejjin minn familji bi qligħ baxx. Din hi r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern, fejn jgħin lil kulħadd, lil kull min irid javvanza. Dik hi l-mobbiltà soċjali li dan il-Gvern tant jemmen fiha.”
Il-Ministru Camilleri semma l-kunċett ta’ ‘Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi’, fejn semma li saru u se jsiru aktar spazji miftuħa, fosthom b’aktar riġenerazzjonijiet ta’ pjazez, waqt li semma numru ta’ investimenti fit-toroq, fost oħrajn, it-triq ta’ bejn ir-Rabat u Marsalforn u anke b’numru ta’ parkeġġi ’l barra mil-lokalitajiet u s-servizzi ta’ park and ride, fosthom dak Ta’ Xħajma.
Fil-baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern qed jalloka investiment rekord għall-gżira Għawdxija ta’ €93 miljun, €60 miljun iżjed mill-aħħar baġit ta’ Gvern Nazzjonalista.
Semma wkoll li l-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’aktar minn 11,000 fuq perjodu ta’ għaxar snin.