Waqt il-Kunsill Ġenerali teigħu tal-aħħar jiem, fejn, fost oħrajn, intqal li l-Partit Laburista hu “orġja ta’ patti Sataniċi”, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma laħaq l-ebda patt fi ħdanu biex, almenu, jaħtar persuna responsabbli fit-tieni l-ogħla kariga tiegħu, dik ta’ Segretarju Ġenerali.
Fil-fatt, f’dan il-Kunsill Ġenerali, ma saret l-ebda elezzjoni interna biex jilħaq xi ħadd flok Michael Piccinino, li ġie sforzat jirriżenja aktar minn xahrejn ilu minn dan ir-rwol importanti, anke jekk ġab l-iskuża li kien qed jagħmel dan biex ikun jista’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali ta’ madwar sentejn u nofs oħra.
Sorsi mid-Dar Ċentrali qalu lil ONE News, kif ħadd ma jrid jidħol għat-tieni l-aktar kariga b’saħħitha fil-ġerarkija tal-Partit, frott it-taħwid kbir li kompla jiżdied taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Dan mhux l-inqas minħabba l-finanzi tal-Partit, kif rifless fin-nuqqas ta’ rapporti awditjati ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali minn kemm ilu li nbidel il-Kap fis-sena 2020 u li Segretarju Ġenerali jrid iwieġeb għalihom b’mod personali u għall-ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Minbarra hekk, issa hu magħruf minn fomm Bernard Grech innifsu li min jidħol għal dan ir-rwol irid jara kif se jsolvi l-problema tat-€32 miljun dejn li baqa’ ma tjiebx fl-aħħar snin, minkejja l-bejgħ ta’ diversi każini fl-istess perjodu.