Ġiet mnedija il-koperattiva ġdida “Koperattiva Għasel Malti Ltd,” magħmula minn bosta naħħala Maltin u Għawdxin.
Dan il-proġett huwa meqjus bħala pass importanti biex tiġi protetta l-apikoltura, is-settur vitali tal-produzzjoni tal-għasel, kif ukoll biex tiġi ppreservata l-bijodiversità tal-gżejjer tagħna.
Il-koperattiva se taħdem biex tgħin lill-apikultura sservi bħala pilastru ta’ sostenibbiltà ekoloġika, filwaqt li tippromwovi l-edukazzjoni fost il-pubbliku, kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar, dwar l-importanza tal-għasel, in-naħal, u l-bijodiversità.
“Il-koperattiva se tkun għodda essenzjali biex tipproteġi lill-apikulturisti u tħares l-apikultura. Mingħajr in-naħal, il-polinizzazzjoni tkun mhedda u l-produzzjoni tal-frott tiddgħajjef. Aħna determinati li noħolqu futur aħjar għal naħal u l-bijodiversità tagħna, filwaqt li nippromwovu edukazzjoni sostenibbli,” stqarr Rodney Galea, is-Segretarju tal-Koperattiva.
Din iċ-ċeremonja rat il-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Alicia Bugeja Said.
Ambjent Malta qed tikkollabora mal-Koperattiva Għasel Malta fejn permezz ta’ skema ser tkun qed tipprovdi numru ta’ siġar u arbuxelli lill-membri tal-istess koperattiva. L-għan ta’ din l-iskema hija maħsuba biex twessa’ aspetti ambjentali fejn is-siġar u l-arbuxxelli pprovduti jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-ħabitats u l-ekosistema Maltin. L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Koperattiva Għasel Malta se jkunu miftuħa għall-membri kollha bejn is-6 ta’ Novembru sas-6 ta’ Diċembru 2024.
Min-naħa tagħhom, il-Malta Food Agency kontinwament tagħti sostenn lill-koperattiva biex tissaħħaħ il-promozzjoni kif ukoll fil-ħidma tagħha sabiex l-Għasel ta’ Malta jiġi protett b’marka ta’ kwalita t’Indikazzjonijiet Ġeografiċi.