Qed tiġi implimentata miżura ewlenija tal-baġit għal din is-sena, dik li tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fil-komunità, favur aktar sigurtà, permezz ta’ rwoli ġodda f’taqsima msejħa Police Patrol and Community Security Support Officers.
Xogħol dawn l-uffiċjali hu li jissorveljaw it-toroq, partikolarment żona fejn ikunu stazzjonati, tant li jidraw lin-nies fil-komunità u b’hekk dawn irabbu l-fiduċja fihom.
Dawn l-uffiċjali, mhux se jkunu jistgħu jagħtu ċitazzjonijiet, jarrestaw jew jinvestigaw, iżda xogħolhom hu li jissalvagwardjaw it-toroq.
Permezz ta’ din il-ħidma, b’hekk ikunu jistgħu jidentifikaw il-problemi fil-lokalità, li bihom jinformaw direttament lill-Pulizija tal-Komunità, li diġà qed jaħdmu tajjeb mindu ġew mifruxin mal-pajjiż kollu.
Tkellimna dwar dan mas-Supretendent Joseph Busuttil, li spjega kif dan ir-rwol hu estensjoni, u mhux se jieħu post l-uffiċjal fir-rwol tal-Pulizija tal-Komunità.
“Ħa jirrapportaw, imbagħad, lill-Pulizija tal-Komunità biex dawn jaraw kif se jagħmlu biex isolvu din il-problema. Eżempju żgħir hu jaraw xi bandli x’imkien ikun hemm anti-social behaviour u problemi f’dan il-bandli, il-PPCSOs jinformaw lill-Pulizija tal-Komunità u l-Pulizija tal-Komunità, imbagħad, jaraw kif se jsolvu din il-problema.”
Spjega kif dawn il-problemi jistgħu jiġu solvuti, eżempju, permezz ta’ aktar dawl, aktar sorveljanza, jew inkella billi positijiet pubblici jingħalqu wara ċerti ħinijiet.
Żied jgħid li permezz ta’ din is-sistema, ir-riskju se jiġi identifikat u se jissolva aktar malajr.
“M’aħniex qed nivvintaw ir-rota aħna. Dan il-kunċett, il-Community Policing li għandna Malta, hu bbażat fuq il-kunċett ta’ Community Policing li hemm fir-Renju Unit, fejn għandhom il-PCSOs u jaħdem diġà fl-Ingliterra bl-istess mod. U aħna qed naddattaw l-istess mudell biex inżidu l-inforzar u jkollna aktar pulizija fit-toroq u nkunu aktar pro-attivi għar-reat.”
Is-Supretendent Busuttil żied jispjega li l-għan hu li titwaqqaf il-kriminalità qabel ma sseħħ.
“L-għan tagħna hu li nipprevjenu milli ssir il-kriminalità. B’hekk aħna se nassistu kemm lill-Korp tal-Pulizija inġenerali, għax ħa nnaqqsu l-kriminalità, allura jkunu jistgħu jiffokaw fuq il-kriminalità li hemm u li ma tistax tnaqqasha kompletament u, fl-istess ħin, inkunu ta’ servizz għall-komunità, għax la ħa nnaqqsu l-kriminalità, in-nies se jkunu aktar siguri.”
Tlabnih ukoll jagħti spjega, ta’ kif wieħed jista’ jingaġġa ruħu f’dan ir-rwol.
“Bħalissa hemm l-applikazzjonijiet onlajn, tidħol fuq il-portal jew il-Facebook page tal-Pulizija, tista’ timla l-formola minn hemm u tapplika. Kull m’għandek bżonn, school leaving certificate u jsiru l-interviews u kors fl-Akkademja tal-Pulizija biex ikunu jistgħu jiġu ingaġġati.”