Id-Deputata Nazzjonalista Rebekah Borg ikkonfermat li l-kelma ‘frodi’ f’rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar ingaġġ fil-Ministeru għal Għawdex tal-lum mart il-Ministru Clayton Bartolo, ma teżistix, avolja qalet li qratu minn paġna sa paġna.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-istess Borg u d-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott fejn wara nofs siegħa isemmu l-kelma frodi, meta ONE News staqsa biex tispeċifika fejn qiegħda miktuba din il-kelma fir-rapport, id-Deputat Borg, evidentament skomda, u bir-rapport maġenbha, ma kinitx taf tirrispondi.
Sadanittant, kien il-Partit Laburista stess li indika dan fi stqarrija, fejn qal li din hija biss invenzjoni oħra ta’ Bernard Grech u l-fergħat estremisti tiegħu.
L-istqarrija kompliet tgħid li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista joqgħod jehda fl-attakki personali, il-Partit Laburista se jħalli l-proċess parlamentari jintemm kif mitlub mill-investigazzjoni għal impjieg li jmur lura iktar minn tliet snin u li dam ftit xhur.
Waqt l-istess konferenza, l-Onorevoli Rebekah Borg, skomda għal darba oħra ħarbet mill-mistoqsija, dwar jekk il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għamlitx ħażin meta ppersistiet li taħtar lir-raġel t’oħtha bħala Kap tal-Kabinett tagħha, b’paga ta’ €20,000 fix-xahar.
Ħatra li l-ewwel irtirat qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet hekk kif inkixfet minn ġurnal Taljan iżda li pront ikkonfermat il-ħatra tar-raġel t’oħtha wara l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju li għadda.