Waqt li kien jieħu sehem f’Summit informali tal-Kunsill Ewropew fil-Kapitali Ungeriża, Budapest, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza tar-reżiljenza ekonomika u l-konnettività favur stati membri bħal Malta.
Din il-laqgħa għolja trattat il-patt il-ġdid dwar il-kompetittività għall-Ewropa. Il-patt li huwa msejjes fuq ir-rapporti ta’ Mario Draghi u Enrico Letta.
Hawnhekk, il-Prim Ministru rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-patt huwa fuq quddiem tal-aġenda Ewropea u sostna l-importanza tal-konnettività.
Qal, “Pajjiżna għandu sfidi aktar minn kemm għandhom pajjiżi oħrajn. Għaliex qed ngħid dan? Għaliex għandna realtà tal-insularità, pajjiż li huwa maqtugħ minn mainland Europe, jiġifieri dik iġġib sfida kbar ta’ loġistika. Aħna nimportaw ’il fuq minn 70% ta’ dak li nikkunsmaw. Mela inti għandek dak l-element ta’ inflazzjoni importata ġewwa pajjiżna. Aħna tajna kemm flaħna għaż-żidiet fl-enerġija ġewwa pajjiżna, fil-fatt l-aktar pajjiż li tajna sussidji, l-aktar pajjiż li ssapportjajna lill-poplu u lin-negozji u lill-familji kollha tagħna.”
Sostna li huwa importanti li pajjiżna jippreserva s-setturi tal-avjazzjoni u anki l-marittimu.
“Ma nistgħux nagħmlu miżuri li jkunu maħduma minn burokratiċi, li flok itejbu l-kompetittività tas-Suq Waħdieni, jaraw biex jintroduċu burokrazija, li dik il-kompetittività tkissirha u taġevola swieq oħrajn. U nafu kemm is-suq Ewropew, mhuwiex f’battalja miegħu nnifsu, imma huwa f’kompetizzjoni ma’ swieq oħra, b’ekonomiji oħrajn. U allura nemmen li strateġija ewlenija trid tkun li s-Suq Waħdieni, li jibqa’ l-iprem għodda li għandha l-Unjoni Ewropea, inkomplu nsaħħuha biex nagħtuha dak il-vantaġġ kompetittiv li n-negozji jkunu inċentiviti biex jinvestu fl-Ewropa u mhux ikunu inċentivati biex immorru jinvestu banda oħra.”
Is-Summit ittratta wkoll il-kwistjoni fil-Lvant Nofsani, fejn il-Prim Ministru saħaq dwar il-paċi u li din għandha tasal b’soluzzjoni bejn żewġ stati, waqt tenna li l-Unjoni Ewropea għandha rwol kruċjali.