Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi, ħabbru li l-istess korporazzjoni mistennija tibda l-proġett ta’ riġenerazzjoni fuq il-Ġnien tal-Marina.
Ir-riġenerazzjoni tal-promenade kompliet issebbaħ iż-żona anke bil-bini mill-ġdid tal-bankina, installazzjoni ta’ dwal ġodda, railing galvanizzat u sistema t’irrigazzjoni u t-tħawwil ta’ 500 pjanta tal-pistakkji fost is-siġar eżistenti.
Ir-riġenerazzjoni tal-ġnien se twassal għal ‘greenway’ ġdida ta’ 210 metri għal-ċiklisti u għall-ġiri u mixi, u filwaqt li se jsir xogħol estensiv, ix-xogħol se jsir b’attenzjoni lejn il-wirt storiku u kulturali u mhux se jintmissu n-numru ta’ parkeġġi eżistenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi spjega kif dan il-proġett se jkompli jsebbaħ il-promenade u jikkumplimenta x-xogħol li sar.
“Il-proġett tar-Riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Pietà huwa ieħor f’sensiela ta’ proġetti li l-GHRC hija inkarigata li twettaq mill-Gvern Ċentrali biex meded t’art li huma maħsubin għar-rikreazzjoni pubblika jkunu fi stat diċenti, fi stat sigur u jkunu jistgħu jintużaw bla ebda problema ta’ xejn.”
Il-Ministru Dalli elenkat li dan ix-xogħol hu parti mill-viżjoni li dan il-Gvern għandu għal pajjiż ta’ kwalità.
“Għaliex nemmnu li rridu nħallu pajjiż ta’ kwalità għaddejjin b’ħidma qawwija fuq numru ta’ proġetti, fosthom hawnhekk fil-Pietà fejn il-GHRC għadha kif lestiet ix-xogħol fuq din il-promenade li issa ġiet ikbar, ġiet isbaħ, ġiet iktar sigura. Mhux se nieqfu hawnhekk għaliex se nkunu qegħdin nirriġeneraw ukoll il-Ġnien li hawn fil-Pietà ħdejn il-Marina, għaliex irridu nagħqdu dawn il-proġetti differenti flimkien ħalli nkunu qegħdin noffru lill-komunità inġenerali spazju iktar sigur u anke aktar spazju fejn jistgħu jikkreaw irwieħhom.”