Il-President Myriam Spiteri Debono rritornat minn Londra, fejn fil-jiem li għaddew rat mill-qrib il-frott tal-ħidma tal-Malta Community Chest Fund u entitajiet oħra biex il-Maltin li jkollhom bżonn trattament barra minn pajjiżna jkunu assistiti bl-aħjar mod possibbli.
Matul din iż-żjara, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata minn uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund, li jassistu lill-pazjenti b’diversi modi sa mill-bidu tad-dijanjosi tagħhom sakemm ikunu f’Londra, matul il-kors kollu tat-trattament tagħhom, u wkoll malli jirritornaw lejn Malta wara l-kura.
Iż-żjara tal-President f’Londra bdiet b’laqgħa mal-pazjenti Maltin rikoverati f’Sutton, kif ukoll ma’ qrabathom.
Il-President kellha wkoll żjarat fil-Great Ormond Street Hospital u St. Bartholomew’s Hospital. Matul dawn iż-żjarat ukoll, il-President Spiteri Debono ltaqgħet mat-tmexxija tal-isptarijiet, u ma’ diversi professjonisti fosthom il-kirurgu ewlieni Malti speċjalizzat fin-newro-onkoloġija, Mr Kristian Aquilina.
Il-President rat mill-qrib il-ħidma li ssir minn entitajiet oħra biex il-Maltin f’Londra jirċievu l-aħjar servizzi. L-impenji tal-President kienu jinkludu wkoll żjara fis-sit ta’ Puttinu Cares fejn qed jinbnew appartamenti ġodda qrib l-isptar fejn il-pazjenti Maltin jirċievu l-kura.
Il-President Spiteri Debono żaret ukoll il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fejn iltaqgħet mal-Kummissarju Għoli Malti Emanuel Mallia, u mal-ħaddiema. Kienet spjegata mill-qrib il-ħidma biex jissaħħu r-relazzjonijiet kulturali u kummerċjali bejn Malta u r-Renju Unit.
Iż-żjara tal-President ġiet fi tmiemha b’avveniment ta’ networking organizzat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u li serva bħala promozzjoni tal-istorja u l-wirt gastronomiku ta’ Malta. Fl-intervent tagħha, il-President irrikonoxxiet il-ħidma kontinwa ta’ diversi awtoritajiet li jaħdmu biex jippromwovu l-prodott turistiku Malti barra minn pajjiżna.