Illum il-Prim Ministru Malti Robert Abela se jieħu sehem f’Summit informali tal-Kunsill Ewropew fil-kapitali Ungeriza, Budapest.
Dan is-Summit qed isir f’Budapest, hekk kif l-Ungerija għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sal-aħħar ta’ din is-sena.
Fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej hemm ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Uniti, wara r-rebħa ta’ Donald Trump, fl-elezzjoni Presidenzjali, li saret nhar it-Tlieta li għadda.
Id-diskussjoni tas-sebgħa u għoxrin mexxej Ewropej se titratta wkoll l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa u kif din tista’ tkompli tissaħħaħ.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll il-kompetittività u kif l-Unjoni Ewropea tista’ tissaħħaħ finanzjarjament, anki bil-għan li jissaħħaħ is-Suq Waħdieni.
Dan il-Kunsill Ewropew isegwi s-Summit tal-Komunità Politika Ewropea, li sar ilbieraħ, fejn fost ġiet ittrattata l-isfida tal-immigrazzjoni.