Il-President Elett Amerikan Donald Trump iddikjara lill-maniġer tal-kampanja elettorali tiegħu Susie Wiles, bħala ic-Chief of Staff tiegħu fil-White House.
Wiles kienet il-moħħ tal-kampanja ddixxiplinata u esegwieta tajjeb ta’ Trump f’din l-aħħar elezzjoni, fejn fil-parti l-kbira tagħha evitat li tidher fuq il-midja u saħansitra rrifjutat li titkellem pubblikament fuq il-podju meta kmieni l-Erbgħa filgħodu indirizza l-massa biex jiddikjara li kien rebbieħ.
Fi stqarrija, Trump qal li Susie hija iebsa, intelliġenti, innovattiva u hija universalment ammirata u rispettata. Huwa sostna li hi se tkun qed tkompli taħdem sabiex titwettaq il-wegħda li l-Amerika terġa tqum fuq saqajha.
Kompla billi qal li huwa unur li jkollok lil Susie bħala l-ewwel mara fl-istorja li qatt serviet fil-pożizzjoni ta’ Chief of Staff fil-White House u jinsab żgur li se tagħmel lill-pajjiż kburi biha.
Wiles ilha għal żmien twil strateġista Repubblikana bbażata fi Florida li mexxiet anke ż-żewġ kampanji preċedenti ta’ Trump.
Qabel ma ingħaqdet mat-tim, fl-2010 kienet mexxiet il-kampanja tal-Gvernatur għal Florida Rick Scott u fl-2012 serviet ukoll għal ftit żmien bħala maniġer tal-kampanja presidenzjali tal-ex Gvernatur ta’ Utah Jon Huntsman.