93 persuna huma ddikjarati uffiċjalment nieqsa fl-agħar diżastru naturali li ħakem lil Spanja fl-aħħar diċenji hekk kif fl-aħħar t’Ottubru xita torrenzjali ħakmet ir-reġjun tal-Lvant f’dan il-pajjiż, iżda l-awtoritajiet qed jgħidu li dan jista’ jiżdied.
Xi ħwienet u negozji fis-subborgi ta’ Valencia reġgħu bdew jiftħu hekk kif numru kbir ta’ voluntiera qegħdin jgħinu fit-tindif tat-toroq u l-madwar. Dawn il-ħwienet huma dawk li kienu ffortunati biżżejjed li l-makkinarju tagħhom għadu jiffunzjona peress li ma safax mgħerreq iżda hemm oħrajn li għad iridu jgħaddu xhur biex jirkupraw il-ħsara li saritilhom.
Mill-inqas 219-il persuna sfaw maqtula meta fi tmien siegħat niżlet l-ammont ta’ xita li soltu tinżel f’sena f’dan ir-reġjun. 54 persuna mejta għadhom ma ġewx identifikati.
Skont l-awtoritajiet, b’kollox 36,605 persuna ġew salvati.
L-ammont eżatt ta’ ħsara għadu mhux magħruf iżda l-Konsorzju Spanjol għall-Kumpens tal-Assigurazzjoni, entità pubblika-privata li tħallas assigurazzjoni għal riskji estremi bħal għargħar, qed jistmaw li se jonfqu mill-inqas €3.5 biljun f’kumpens.
Il-Konsorzju qal li diġa rċieva 116,000 talba għall-kumpens b’60% jkunu fuq karozzi u 31% fuq djar.
S’issa l-Ministeru tat-Trasport sewwa 232 kilometru ta’ toroq u linji tal-ferrovija iżda r-rotta tal-ferrovija veloċi bejn Valencia u Madrid għadha totalment distrutta.
Il-gvern ċentrali approva pakkett ta’ għajnuna ta’ aktar minn €10 biljun għall-familji, negozji u muniċipji.