Awtoritajiet fl-Arġentina qalu li tliet persuni ġew akkużati b’rabta mal-mewt tal-istilla ta’ One Direction Liam Payne.
Il-kantant miet fis-16 t’Ottubru wara li waqa’ mill-gallarija tat-tielet sular ta’ lukanda fi Buenos Aires.
Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali Kriminali u Korrettiv, persuna li akkumpanjat lill-artist ġiet akkużata bl-abbandun ta’ persuna segwita minn mewt u li pprovdiet u ffaċilitat il-provista ta’ drogi.
Impjegat tal-lukanda u terza persuna ġew ukoll mixlija li pprovdew id-droga. S’issa għadhom ma ġewx ippubblikati l-ismijiet ta’ l-akkużati.
Payne li kellu 31 sena u missier ta’ tifel, kien wieħed mill-aktar ismijiet rikonoxxibbli fid-dinja tal-pop wara li kien deher fuq il-programm mużikali X Factor u kiseb fama mondjali bil-formazzjoni tal-grupp One Direction fis-snin 2010.
L-awtoritajiet Arġentini ilhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet sabiex isiru jafu x’ġara fl-aħħar jiem waqt li Payne kien qed jalloġġja fil-lukanda CasaSur.
Il-Ħamis, l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku qal li testijiet tossoloġiċi indikaw il-preżenza ta’ traċċi ta’ alkoħol, kokaina u anti dipressanti fis-sistema ta’ Payne.
L-awtopsja ddeterminat il-kawża tal-mewt bħala waħda kkawżata mid-diversi ġrieħi u l-emoroġija interna u esterna li sofra fil-waqgħa mill-gallarija.
Sadanittant l-investigazzjoniet tal-pulizija għadhom għaddejin.