Brooks Lia ta’ 51 sena ġie kkundannat 17-il xahar ħabs wara li fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ammetta li seraq minn karozza pparkjata f’San Pawl il-Baħar f’każ li seħħ fis-17 t’Ottubru li għadda.
Fil-Qorti, ġie nnotat ukoll li r-raġel, li għandu l-vizzju tad-droga, seraq mill-karozza b’valur ta’ mhux aktar minn €2,300. Apparti minn hekk, Lia kien mixli wkoll li kiser żewġ ordnijiet tal-Qorti, b’rabta ma’ ħelsien mill-arrest fuq żewġ każi oħra, filwaqt li hu riċediv.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Qorti ordnat l-arrest mill-ġdid tiegħu b’rabta mal-każi li hemm pendenti, u għaldaqstant ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn biex tipproteġi lil sid il-vettura li minnha saret is-serqa.
Lia tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex tiġi indirizzata l-problema tiegħu tal-vizzju tad-droga.