Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret li se jkunu qed jiġu installati aktar pillars ġodda għas-sajjieda b’aċċess għall-elettriku u l-ilma fuq ix-xatt.
Il-pillars il-ġodda se jiġu installati f’diversi lokalitajiet, fosthom f’Marsaskala, f’San Pawl il-Baħar, fil-Kalkara, f’Birżebbuġa, f’Marsaxlokk, u fl-Imsida.
F’kumment ma’ ONE News, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakultura, Bjorn Callus, spjega kif il-pillars il-ġodda se jkunu qed jaħdmu qisu l-proġett tax-shore-to-ship, fejn is-sajjieda se jkunu jistgħu jqabbdu l-elettriku direttament mal-freezers tagħhom.
“Fuq skala vera żgħira hu shore-to-ship hekk kif lis-sajjieda, dawn is-service pillars, li jipprovdu d-dawl u l-ilma, ħa jkunu qed jagħtu dawn is-servizzi lis-sajjieda meta jkunu marbutin mal-moll, minflok iħallu l-bastimenti mixgħulin biex ikunu jistgħu jaħdmu u jagħmlu x-xogħol tagħhom neċessarju, u hekk ikollhom l-elettriku, ikollhom l-ilma mingħajr ma jkun hemm pollution min-naħa tal-magni tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari ħabbret li qed jiġu installati winches ġodda wkoll f’diversi lokalitajiet, flimkien ma’ strateġija ġdida għas-sajd.
“Nibda mill-investiment infrastrutturali fejn se nkunu qegħdin ninstallaw aktar pillars tad-dawl u l-ilma madwar diversi portijiet f’Malta u Għawdex, kif ukoll se nkunu qegħdin inżidu l-winch rooms biex ngħinu anke lis-sajjieda jiġbdu d-dgħajjes tagħhom. Qed inħarsu li anke nżidu s-supply tas-silġ fil-portijiet biex inkomplu anke nelevaw il-prodott tas-sajjieda. Min-naħa l-oħra, qed naraw ukoll investimenti fis-sajjieda żgħażagħ, għax dawk huma l-futur tas-settur tagħna. Qed naraw li anke nimplimentaw sussidji differenti biex anke s-sajjieda jirrestawraw id-dgħajjes tagħhom, kif ukoll ngħinu lis-sajjieda b’mod professjonali biex anke jkunu jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej.”
Hi tat ukoll elenku ta’ wħud mill-miżuri fil-Baġit 2025 b’rabta mad-drittijiet tal-annimal, inkluż l-estensjoni tas-servizz ta’ neutering ta’ qtates stray b’xejn, l-identifikazzjoni ta’ aktar siti għal dog parks u cat cafés, miżuri għas-salvataġġ u l-aftercare ta’ annimali, kif ukoll miżuri ta’ kontroll kontra l-abbużi, fost oħrajn.