Hekk kif għaddejjin l-aħħar preparament għal waħda mill-akbar konferenzi li jospita pajjiżna, SiGMA Europe, li tittratta d-dinja tal-iGaming u tilqa’ eluf ta’ delegati, ONE News ħa l-opportunità jżur il-Malta Maritime Hub fil-Marsa, fejn, għat-tieni darba, se tkun qed tittella’ din il-konferenza massiċċa.
Hemmhekk ONE News iltaqa’ ma’ Gunther Micallef Decesare, iċ-Chief Logistics Officer ta’ SiGMA, fejn magħna qasam l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu biex mit-Tnejn, 11 ta’ Novembru, il-konferenza tilqa’ l-eluf ta’ delegati li mistennija jattendu, inkluż personalitajiet magħrufa madwar id-dinja.
“Għandna ’l fuq minn elf u mitejn ħaddiema. Nhar il-Ġimgħa ħa jkollna 600 ruħ ieħor hawnhekk jaħdmu, jiġifieri fl-aħħar tal-ġimgħa ikollna elfejn ruħ hawnhekk, ħaddiema, mastrudaxxi, nies ta’ kwalunkwe tip ta’ professjoni hawnhekk.”
Gunther Micallef Decesare – Chief Logistics Officer, SiGMA
Tkellmu wkoll magħna Godwin Caruana u Damian Casapinta minn Sign It u Casapinta Design Group rispettivament. Flimkien qasmu s-sodisfazzjon li qed jaħdmu fuq din il-konferenza tant imfittxija ma’ bosta delegati mid-dinja tal-iGaming.
“Aħna ilna nissapportjaw SiGMA mill-2014, l-ewwel edizzjoni għaxar snin ilu, kien hemm xi madwar erbgħin esebitur, u matul is-snin, SiGMA offrietilna sfida-opportunità li nibqgħu ninvestu fil-kwalità tal-istands u biex inlaħħqu mal-livell ta’ SiGMA, li qiegħed jogħla sena wara sena, u dejjem qed jikber.”
Godwin Caruana – Sign It
“Il-ħidma kontinwa, jiġifieri qed nagħmlu żewġ shifts lejl u nhar ma nifqux. Race against time bħalissa jiġifieri l-ħin limitat ħafna, il-ħaddiema huma li huma, jiġifieri nipprovaw nagħmlu mill-aħjar biex nispiċċaw fil-ħin.”
Damian Casapinta – Casapinta Design Group
Gunther Micallef Decesare temm jistqarr magħna l-importanza li għandhom ħaddiema u kumpaniji Maltin biex itellgħu din il-konferenza u jħallu esperjenza tajba fost kull min se jżur SiGMA.
“Kellna, bħala kumpanija, kellna bilfors indaħħlu servizzi, sew dawl, sew elettriku, sew internet, u dawn ovvjament kollha bl-isforz ta’ timijiet Maltin li ġew hawnhekk u, kif qed taraw hawn fuq, għandna ħafna xogħol li hu perikoluż ukoll għax qegħdin f’għoli ta’ 10, 20 metru, biex nagħtu servizzi lill-esebituri kollha.”
Gunther Micallef Decesare – Chief Logistics Officer, SiGMA