Malta huwa pajjiż relevanti u bil-bosta. F’dan iż-żmien Malta qed tokkupa siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, kif ukoll il-Presidenza tal-OSCE. Is-sena d-dieħla Malta se tkun qed tokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan kollu ma jurix biss ir-rispett li pajjiżna jgawdi, imma wkoll ir-responsabbiltà li għandna sabiex naħdmu attivament għall-paċi. Fil-kuntest ta’ sfidi globali, mhux lanqas fir-reġjun tagħna, huwa aktar importanti li nagħmlu dan. Dan qalu d-Deputat Laburista Carmelo Abela waqt li kien qed jieħu sehem fid-dibattitu li kien qed jiddiskuti l-baġit għas-sena 2025 tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
Carmelo Abela qal li huwa tajjeb li Malta kompliet tespandi n-numru ta’ ambaxxati, mhux biss minħabba r-rwol diplomatiku tagħhom, imma anke biex ikunu attivi fil-promozzjoni tal-kummerċ ħalli aktar kumpaniji bbażati f’Malta jkomplu jimirħu barra minn Malta u jkabbru l-profitti tagħhom. Huwa nnota b’sodisfazzjoni li l-baġit ta’ Trade Malta għas-sena d-dieħla b’ €580,000 biex issa jlaħħaq €1,930,000. Dan ifisser li se jkun possibbli aktar li jkunu organizzati missjonijiet kummerċjali ħalli dawk il-kumpaniji interessati jkunu jistgħu possibilment jibbenefikaw minn prospetti f’pajjiżi oħra. F’dan ir-rigeard ukoll il-Gvern għandu jħares lejn l-ewwel strateġija ta’ Malta għall-Afrika li daħlet fis-seħħ fis-sena 2020, ħalli tingħata l-ispinta neċessarja ħalli l-opportunitajiet f’dan il-kontinent ikomplu jibbenefikaw minnhom.
Finalment, id-deputat Carmelo Abela semma dak li għaddej fil-Lvant Nofsani u jħoss li dan il-konflitt, li ilu għaddej għal madwar 75 sena, l-eskalazzjoni li bdiet mis-7 t’Ottubru 2023 ‘l hawn għandha tieqaf. Filwaqt li Iżrael għandu d-dritt li jiddefendi lilu nniffsu u għandu d-dritt li jibqa jeżisti u jgħix fil-paċi, l-istess drittijiet għandu l-poplu Palestinjan. Huwa ħeġġeġ li aktar pajjiżi, inkluż Malta tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan, għax skont Carmelo Abela, aktar ma jkun hemm pajjiżi jagħmlu dan, possibilment noqorbu għal xi forma ta’ paċi u soluzzjoni ta’ żewġ stati li jgħixu ħdejn xulxin u fil-paċi.