“Esperjenza sabiħa, fiha ħafna challenges, mhux se ngħidlek li ma fihiex, però jiena personali jkolli nagħmilha elf darba, nagħmilha.”
Ruth Buhagiar – foster carer
Din hi Ruth Buhagiar, foster carer, li bħal tagħha hemm diversi stejjer oħrajn ta’ suċċess fejn jidħol il-fostering f’pajjiżna.
Waqt konferenza il-Ħamis filgħodu, ġie ċċelebrat is-suċċess ta’ dan is-servizz mid-Direttorat tal-Kura Alternattiva, li attwalment qed jara 178 familja jieħdu sehem f’din l-inizjattiva mill-isbaħ.
Il-konferenza bit-tema ‘Ejja Nagħtu t-Tama’ ddiskutiet kif il-ħidma tad-direttorat, li jieħu ħsieb tfal għaddejjin minn żmien diffiċli, taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, kontinwament tara kif dawn jingħatalhom ambjent ta’ familja.
F’kummenti lil ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, tkellem dwar is-sabiħ ta’ dan is-servizz u kif konferenza bħal din tevalwa dak li jkun sar fil-fostering.
“Aħna nħeġġu ħafna lin-nies jiftħu qalbhom u jiftħu darhom biex jiffosterjaw it-tfal, fejn bħalissa għandna bżonn ħafna. Għandna bżonn ħafna nies li jiġu ’l quddiem biex hemm tfal li nagħtuhom familja permezz tal-fostering.”
Alfred Grixti – Kap Eżekuttiv tal-FSWS
Remenda Grech, Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva, qalet li kull tifel u tifla jistħoqqlu li jitrabba f’ambjent ta’ familja, li jindokrawhom daqslikieku wliedhom u jaraw il-ħtiġijiet li jkollhom.
Semmiet kif minn dawk il-familji, li fetħu d-djar tagħhom biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal, kien hemm 29 tifel u tifla, li ngħataw foster carer, din is-sena stess.
Qalet kif, f’ċerti każi, il-foster carers ukoll jibqgħu jkunu ta’ sostenn għat-tfal, anke meta jagħlqu t-18 u l-21 sena, tant li, fl-aħħar erba’ snin kemm ilu għaddej dan il-programm, 139 tifel u tifla ngħataw garanzija li mhux se jiċċaqalqu, waqt li 20 ukoll ġew adottati.
B’hekk ingħata pedament iżjed sod lil dawn it-tfal biex ikunu ċittadini b’saħħithom meta jikbru.
“L-appell tiegħi hu biex aktar familji, aktar individwi, koppji, jew persuni waħedhom, li jixtiequ jingħaqdu ma’ din il-familja sabiħa tagħna ta’ foster carers. Aħna nagħtuhom it-taħriġ kollu li hemm bżonn biex ikollhom il-possibbiltà u l-ħiliet kollha neċessarja biex jilqgħu fi ħdanhom aktar tfal, fejn hemm diversi tfal li qed jistennew biex jiġu matched ma’ familja u, allura, dan hu l-appell tiegħi.”
Remenda Grech – Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva