Is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) bdiet tbigħ ktieb b’24 rakkont minn personalitajiet li jiftakruh sew, bl-isem “KARMENU – il-verità, xejn inqas mill-verità”, fil-Festival tal-Ktieb f’Ta’ Qali.
“Il-politika stess fiha nnifisha m’hijiex ta’ gost imma ta’ dwejjaq, għax minkejja li tant tipprova tagħmel il-ġid, ħafna drabi mhux biss ma jifhmukx, imma ssib ċerta ostilità li ma tistax tispjegaha.”
Hekk kien qal Dr Karmenu Mifsud Bonnici, imwieled fis-17 ta’ Lulju 1933, avukat, politiku, u mexxej tal-Partit Laburista.
Magħruf għall-imġieba riservata u umli tiegħu, Karmenu, kif ħafna baqgħu isejħulu, ħa l-formazzjoni tiegħu fl-għaqdiet tal-Knisja, speċjalment fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, u ħalla impatt fuq ix-xena politika Maltija speċjalment dik tas-snin tmenin. Mifsud Bonnici ħa r-riedni tat-tmexxija f’wieħed mill-iktar perjodi turbolenti tal-pajjiż, u jibqa’ magħruf għall-impenn tiegħu lejn il-prinċipji soċjalisti u lejn il-klassi tal-ħaddiema.
Fi kliem is-suċċessur tiegħu, Dr Alfred Sant, Karmenu “kien raġel li jara fit-tul, li jaf u jifhem kif tingħex il-ħajja tal-ħaddiem, li jemmen fil-valuri tal-fidi Nisranija u tas-soċjaliżmu u kien lest jagħmel kollox biex iwettaq dawn il-valuri fl-aħjar interess ta’ Malta u tal-klassi tal-ħaddiema”.
Mifsud Bonnici nħatar Prim Ministru wara Dom Mintoff f’Diċembru 1984. Minkejja li kien is-suċċessur magħżul ta’ Mintoff, huwa naqqax triqtu, u kompla jmexxi lill-pajjiż f’riformi kbar f’setturi bħall-edukazzjoni u s-servizzi soċjali.
Bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Mifsud Bonnici ra li l-edukazzjoni ssir b’xejn fil-livelli kollha anke fl-iskejjel tal-Knisja. L-amministrazzjoni tiegħu ffukat ukoll fuq il-ħolqien tax-xogħol u saħħet il-benefiċċji tal-welfare, u kompliet it-tradizzjoni tal-Partit Laburista li jgħin lil dawk l-inqas privileġġjati.
Wieħed mill-aspetti li l-aktar jimmarkaw it-tmexxija ta’ Mifsud Bonnici kien il-pożizzjoni qawwija tiegħu favur in-newtralità u n-non-allinjament ta’ Malta fil-politika barranija li baqa’ jsostniha sal-aħħar ta’ ħajtu.
Wara t-telfa tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet tal-1987, Mifsud Bonnici baqa’ jmexxi l-partit sal-1992. Wara li telaq mit-tmexxija, huwa baqa’ involut fil-promozzjoni ta’ kawżi ta’ ġustizzja soċjali. In-natura kwieta, iżda soda tiegħu, ġabitlu rispett kemm ġewwa kif ukoll barra l-partit Laburista.
F’mewtu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li l-Partit Laburista kien tilef persuna li verament kien iħobb il-ħaddiema u kien bniedem ta’ integrità u prinċipju.
Fi kliem l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea, Mifsud Bonnici kien raġel umli u onest li min jaf kemm ħadem ta’ avukat bla ħlas. Galea jgħid li d-dettal li bih Karmenu kien jifli l-liġijiet kien uniku. Kien raġel li wkoll jekk ma taqbilx miegħu politikament imma xorta tħobbu u tirispettah. U kellu mod kif fl-aktar dibattiti parlamentari jaħarqu jnissel battuta li jifqa ’l kulħadd bid-daħk.
Karmenu Mifsud Bonnici miet fil-5 ta’ Novembru 2022, fl-età ta’ 89 sena.
Illum, f’għeluq it-tieni anniversarju minn mewtu, Karmenu Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar mhux biss bħala eks Prim Ministru iżda wkoll bħala bniedem ta’ integrità, impenjat bis-sħiħ għas-servizz ta’ pajjiżu.