Produzzjoni Maltija bl-isem ‘Cookie Box’ ta’ Adam Żurawiecki, hi waħda mill-ħames rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-‘Golden Knight Malta International Film Festival’. Din hi l-ewwel darba fi tmin snin mindu produzzjoni Maltija rebħet Golden Knight.
Produzzjoni oħra Maltija bl-isem ‘Nailed It!’ ta’ Luke Vella Clark rebħet ċertifikat ta’ “Highly Commended”.
Il-wiri tal-films rebbieħa u l-preżentazzjoni tal-premjijiet se jsiru nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru li ġej fis-7.00pm fis-Sala tal-Malta Experience, f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.
Il-festival, organizzat mill-Malta Cine Circle, ilu għaddej għal 62 sena li jagħmlu wieħed mill-aktar festivals ta’ produzzjonijiet qosra li ilhom eżistu fid-dinja. Matul dawn is-snin kiber fl-istatura u llum hu wieħed mill-aktar festivals prestiġjużi u rinomati tal-films qosra.
Għal din l-edizzjoni, li għandha l-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kienu sottomessi 388 produzzjoni.
Matul ix-xhur li għaddew tim ta’ assessuri għażlu l-aħjar 18-il film. Imbagħad, ġurija ta’ ħames esperti għazlu l-ħames produzzjonijiet rebbieħa.
Id-dħul għal dawk li jixtiequ jattendu dan il-festival hu b’xejn, imma dawn il-persuni għandhom jibbukkjaw billi jibgħatu email fuq: bookings@goldenknightmalta.org jew billi jċemplu 99460866.