Is-sena d-dieħla se titneħħa għal kollox it-taxxa minn fuq il-prodotti sanitarji għan-nisa, inkluż oġġetti relatati ma’ kura kontra l-kanċer. Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Intqal kif din il-miżura soċjali b’saħħitha mħabbra fil-Baġit 2025, se tmur lil hinn minn dak imħabbar fil-manifest elettorali. Dan hekk kif il-Partit Laburista kien wiegħed li t-taxxa ta’ 18% VAT tonqos, iżda issa qed tiġi eliminata kompletament.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg sostniet li mhux ġust għall-mara li tħallas din it-taxxa fuq xi ħaġa daqstant neċessarja fil-ħajja ta’ kuljum, iżda issa se jkollhom l-istess rata bħall-ikel u l-mediċinali, jiġifieri 0%.
Hi sostniet li din hi miżura ta’ sostenn finanzjarju għan-nisa, waqt li se jiġi żgurat li dawn il-prodotti jorħsu. Dan anke permezz ta’ stħarriġ, li se jsir mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li se jara li effettivament il-prezzijiet jonqsu.Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg sostniet li din il-miżura se tiġġieled l-istigma u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u dawn il-prodotti se jkunu aktar aċċessibbli.