Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li tirrifjuta applikazzjoni ta’ żvilupp għall-kostruzzjoni ta’ tliet imħażen kummerċjali li jinsabu barra miż-żona tal-iżvilupp, ODZ, fi Triq Għajn Tuffieħa, limiti tal-Mġarr.
Dan intqal fi stqarrija mill-Awtorità tal-Ippjanar, fejn ġie spjegat li l-iżvilupp propost kellu jkopri madwar 320 metru kwadru fuq art mhux żviluppata mdawra b’art agrikola u strutturi rurali.
Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda ġustifikazzjoni suffiċjenti biex l-imħażen ikunu mibnijin fil-kampanja, peress li dan it-tip ta’ użu kummerċjali jista’ faċilment jiġi akkomodat f’żoni magħżula, bħal żoni industrijali u Areas of Containment.
Intqal li l-policy tal-Pjan Lokali għall-Majjistral dwar il-protezzjoni tal-art agrikola tippermetti biss bini essenzjali għall-ħtiġijiet agrikoli f’żoni bħal dawn. Il-proposta għal imħażen kummerċjali mhix konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, u lanqas ma ttejjeb il-valur agrikolu tal-art.
Sadanittant, l-istess Kummissjoni ċaħdet ukoll applikazzjoni oħra li talbet permess biex jinbnew żewġt istalel u faċilitajiet assoċjati, inkluż maħżen għat-tiben u kamra tat-tagħmir, viċin Wied San Blas fil-limiti tan-Nadur, Għawdex.
L-iżvilupp propost huwa inkompatibbli maż-żona tal-madwar, żona li hija stmata bħala żona rurali mhux disturbata u li hija ħielsa minn strutturi simili.