Nhar il-Ħadd li ġej, il-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra se jkunu miftuħin b’xejn, bi programm imżewwaq ta’ attivitajiet għal Jum it-Tifkira. Dan intqal fi stqarrija minn Heritage Malta u ntqal li din se ssir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Dan l-avveniment se joffri lill-viżitaturi esperjenza immersiva f’dan il-forti storiku, bħala parti minn sensiela ta’ avvenimenti organizzati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex Malta titnieda bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu militari, u lejlet il-ġurnata li tonora lil dawk li tilfu ħajjithom fis-servizz militari.
Il-viżitaturi jistgħu jesploraw il-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra mingħajr ħlas, u jgawdu attivitajiet speċjali li jagħtu l-ħajja lill-istorja militari ta’ Malta.
Fost l-attrazzjonijiet prinċipali nsibu titjira spettakolari mill-Piper L-44 Grasshopper fis-1:00pm, jekk it-temp jippermetti. Ikkordinata mill-Mużew tal-Avjazzjoni ta’ Malta, din il-wirja rari se ssir fuq il-Forti Sant’Iermu u l-Port il-Kbir, u se toffri lill-viżitaturi ħarsa indimentikabbli lejn il-passat.
Aktar kmieni fil-ġurnata, it-truppa tal-In Guardia se ddur f’parata madwar il-forti fil-11:00am, segwita minn konvoj ta’ vetturi militari li jasal fil-11:30 am.
Il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar ta’ Malta wkoll se jkun miftuħ għall-esplorazzjoni permezz tal-esperjenza tar-realtà virtwali Dive into History 360°, ippreżentata mit-Taqsimiet tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar u tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta.
Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw żewġ żidiet riċenti fil-mużew – il-passaġġ ġdid li jagħti ġieħ lill-baħrin ta’ sottomarini li tilfu ħajjithom fil-baħar lil hinn minn Malta jew waqt li kienu qed iservu mill-gżira matul il-gwerra, u l-wirja l- ġdida fil-memorjal, li tinkludi donazzjoni riċenti ta’ aktar minn ħamsin midalja ta’ 11-il uffiċjal mill-familja Gatt, li servew f’reġimenti Maltin tul ħames ġenerazzjonijiet konsekuttivi għal aktar minn 150 sena.
Il-Forti Sant’Iermu se jkun miftuħ mid-9:00am sal-5:00pm, bl-aħħar dħul permess fl-4:30pm. Dawriet iggwidati bil-Malti u bl-Ingliż huma disponibbli għal €5 u għandhom jiġu riservati minn qabel fuq www.heritagemalta/mt/store jew mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta.