Il-proċess, li permezz tiegħu l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, se jagħti kontribut proattiv lill-Gvern fil-proċess tal-‘Viżjoni Malta 2050’, beda bl-ewwel laqgħa tat-task force mwaqqfa apposta fi ħdanu.
Din il-laqgħa, b’diskussjonijiet introduttivi u numru ta’ opinjonijiet, offriet ħarsa ġenerali lejn il-metodu propost biex jinġabru l-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba soċjali.
L-inizjattiva tenfasizza l-impenn tal-imsieħba soċjali fl-MCESD lejn viżjoni komuni ta’ ekonomija kompetittiva, reżiljenti u ċċentrata fuq iċ-ċittadini, bil-għan li toffri kwalità ta’ ħajja ogħla għaċ-ċittadini Maltin.
L-imsieħba soċjali pprovdew għarfien siewi u kostruttiv, kif ukoll perspettivi diversi u konsiderazzjonijiet konkreti.
Il-kontribut tagħhom għal dan il-proċess imħabbar mill-Gvern, jiżgura li t-triq ta’ ‘Viżjoni Malta 2050’ tkun kemm inklussiva kif ukoll tirrifletti l-ħtiġijiet tal-komunità.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, spjega li l-ambizzjoni ta’ din il-viżjoni hi li teħodna fid-direzzjoni li nemmnu li hi l-aħjar għal Malta.
“Dak li Malta tista’ verament tiżviluppa fih biex tkun kompetittiva u produttiva, tiżviluppa l-aqwa forma ta’ ekonomija, bl-inqas riżorsi fejn il-kwalità tal-ħajja tan-nies, hi fiċ-ċentru ta’ dak li jwassalna hemmhekk. L-uman hu importanti, il-ħiliet huma importanti, imma l-kwalità tal-ħajja hi importanti.”
Iċ-Chairperson tal-MCESD, David Xuereb
Bl-għarfien u l-esperjenza tal-imsieħba soċjali u l-konsulenti tiegħu, l-MCESD stabbilixxa l-pedamenti biex jagħti kontribut attiv u imprezzabbli fit-tfassil tal-‘Viżjoni Malta 2050’ imħabbra mill-Gvern favur pajjiż aħjar kif jixtieq kulħadd.