F’partita ferm tattika li ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima, Mosta u Balzan temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 2-2, bl-erba’ goals li huma jaslu kollha fit-tieni taqsima.
Kien biss fit-32 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, b’Balzan ikunu huma li joħolqu l-periklu meta xutt mill-ewwel ta’ Jan Busuttil stampa mal-wieqfa.
Huma komplew jattakkaw u tliet minuti wara, xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa ta’ Samir Arab gie salvat minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Mosta wieġbu għall-ewwel darba fil-45 minuta meta freekick tal-captain Clayton Failla ġie ppanċjat b’sigurtá mill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan, ħarġu ferm aggressivi u fil-50 minuta Elvis Kamsoba xeħet cross qasir lejn Alexandar Ayo Akpan li kellu r-rovexxjata tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Huma komplew fuq l-offenisva u seba’ minuti wara, tentattiv mid-distanza ta’ Jan Busuttil ġie salvat mingħajr wisg diffikultá minn Akpan.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Balzan u mas-siegħa logħob Nicholas Pulis għadda tajeb kejn Kamsoba li ħareġ l-aħjar ta’ Akpan li salva tajjeb b’riflessi mill-aqwa, b’difensur ta’ Mosta jitfa’ l-ballun f’corner.
Mill-corner li rriżulta mogħti minn Jan Busuttil, Balzan fetħu l-iskor permezz ta’ HENRI BRAHAM STANIC li kien fil-post it-tajjeb u permezz ta’ daqqa ta ras b’saħħitha tefa’ ġewwa, bil-ballun jaqbeż il-linja bi ftit u b’Failla jipprova jikklerja l-ballun minn fuq il-linja iżda ma rnexxilux, b’dan ikun tielet goal ta’ Stanic matul dan l-istaġun.
Iżda Balzan bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li żewġ minuti biss wara Mosta ma ġabux l-iskor indaqs meta minn corner mogħti minn Failla, SACHA CACHIA antiċipa lil kulħadd u permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa, b’dan ikun l-ewwel goal tiegħu bil-flokk ta’ Mosta fit-tieni staġun tiegħu mat-tim tal-kbar tal-Blues.
Balżan wieġbu fl-64 minuta permezz ta’ konklużjoni ta’ Jan Busuttil li ntemmet għoli.
Mosta reġgħu ħolqu l-periklu fil-75 minuta permezz ta’ xutt insidjuż ta’ Sunday Okereke li ntemm barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara qalbu l-iskor favurihom permezz ta’ JOSHUA AGYEMANG li minn taħt il-lasta u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa.
Il-parita kompliet tisbieħ u fit-82 minuta Balzan rebħu penalty meta Joao Victor De Souza Teixeira waqqa’ lill-player ta’ Balzan fil-kaxxa. Mill-11il-metru, inkariga ruħu ALEXANDAR AYO AKPAN li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Akpan in-naħa opposta.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba: Marcel Lima (Balzan FC)