L-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna ġew ikklassifikati mal-ewwel għaxra fost dawk ta’ 142 stat ieħor globali fl-indiċi globali tas-saltna tad-dritt, li jevalwa pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea, mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta’ Fuq.
Dan l-istħarriġ, imsejjaħ ‘World Justice Project Global Rule of Law Index’, ikejjel, fost l-oħrajn, kemm soċjetà kapaċi toffri sigurtà liċ-ċittadini u jiddefinixxiha bħala wieħed mill-aspetti fundamentali għas-saltna tad-dritt u bħala funzjoni ewlenija tal-istat.
Dan il-kejl jindirizza, fost l-oħrajn, il-mod kif hi kkontrollata l-kriminalità fil-pajjiż.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, irrefera għall-indiċi bħala riżultat tal-ħidma ma taqta’ xejn li qed titwettaq f’dan is-settur u li qed jibbenefikaw minnha l-Maltin u l-Għawdxin.
Żied jgħid kif il-Gvern, filwaqt li rriforma u saħħaħ il-Korp tal-Pulizija anke billi investa fil-kundizzjonijiet tagħhom u f’aktar riżorsi, bħal body-cams, illum il-Pulizija jinsabu aktar qalb il-komunità – b’din il-preżenza se tkompli tissaħħaħ bl-introduzzjoni tal-Police Patrol Community and Support Officers.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li bl-investiment fil-ħaddiema, ir-riżorsi u d-drittijiet, l-investiment iwassal biex il-familji tagħna jirċievu servizz aqwa u kif jindika dan l-indiċi globali, biex iħossuhom siguri fejn jgħixu, fejn jaħdmu u fejn jiddevertu.
Intqal kif il-Gvern, kif wera fil-Budget, iwettaq aktar milli jwiegħed, hekk kif fil-fatt, l-allokazzjoni finanzjarja għal dan is-settur għas-sena d-dieħla hi l-akbar fl-istorja.
Fi kliem il-Ministru, tali żidiet juru, iswed fuq l-abjad, li mhux biss se jissoktaw l-investimenti fi proġetti u fl-infrastruttura neċessarja, imma anke fil-ħaddiema, bl-ispiża rikurrenti li tinkludi l-pagi tal-ħaddiema, hi l-akbar nefqa rikurrenti ta’ kull żmien.