Rikors ieħor minn Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala l-‘Lilu King’, biex jiġi rilaxxat mill-arrest b’rabta ma’ akkużi kriminali dwar aggressjoni x-xahar li għadda fejn indarbet persuna, ma ġiex milqugħ mill-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri.
Dan kien it-tieni rikors imressaq fi ftit ġranet fejn Elmushraty ikkontesta, permezz tal-avukati tiegħu, l-arrest tiegħu u qal li dan hu illegali, minħabba li ma kellux pendenzi ġudizzjarji.
Minkejja dan, l-Imħallef Camilleri, li wkoll laqa’ korrezzjoni b’rabta mal-ġrieħi li sofriet il-persuna l-oħra involuta fl-inċidenti minn ħfief għal gravi, ikkonkluda li hemm akkużi kontra l-akkużat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Dan waqt li għad hemm imputazzjonijiet oħrajn li Elmushraty jrid iwieġeb għalihom.
Għaldaqstant, il-Qorti tenniet li mkien ma jirriżulta li l-arrest tal-akkużat hu illegali kif jisħaq ir-rikors imressaq u, b’hekk, it-talba għall-ħelsien ma ntlaqgħetx.