Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għall-2024 qiegħed jirritorna għall-45 edizzjoni tiegħu bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej, 10 ta’ Novembru, fl-MFCC, Ta’ Qali.
Din is-sena l-festival għandu t-tema ta’ #dinjietjirrimaw, li tirrifletti l-vjaġġ varjat tal-proċess ta’ pubblikazzjoni, mill-konċepiment ta’ idea sal-prodott finali.
Fil-qofol tal-festival ta’ din is-sena hemm l-esebizzjoni From Illustration to Book, kollaborazzjoni estiża bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u l-Kunsill Malti għall-Arti (KMA). Din l-esebizzjoni tesplora l-vjaġġ kreattiv tal-illustrazzjoni tal-kotba, twessa’ l-perspettivi, u titfa’ dawl fuq l-artistrija varjata involuta.
Għall-ewwel darba, is-sezzjoni ‘Illustration Today’ fetħet il-bibien tagħha għal sottomissjonijiet internazzjonali permezz tan-netwerk tal-EUNIC, u b’hekk żiedet diversità rikka ta’ ilħna kreattivi, waqt li sezzjoni – ‘From Idea to Illustration’ – se tikkonsisti fi sketches u tpinġijiet preliminari, u toffri l-udjenza ħarsa rari lejn l-istadji tal-bidu tal-illustrazzjoni u l-evoluzzjoni ta’ rakkuntar viżwali.
Se tkun esebita wkoll kollezzjoni speċjali ta’ disinni tal-qxur ta’ kotba fejn din is-sena jiffokaw fuq it-tema tas-sostenibbiltà, bl-artisti jimmaġinaw kif Malta kapaċi tidher fi żmien għoxrin sena.
Is-sezzjoni ‘Artist Spotlight’ se tagħti unur lill-illustraturi Maltin Frank Schembri u Moira Zahra.
Bħala aspett ewlieni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għall-2024, l-esebizzjoni From Illustration to Book hi xempju tar-rwol tal-festival, fiċ-ċelebrazzjoni tal-intersezzjoni tal-letteratura, l-arti viżiva, u l-kultura.
Dan l-avveniment annwali jibqa’ parti essenzjali mill-kalendarju kulturali Malti, jappoġġja t-tkabbir artistiku, irawwem imħabba għall-qari, u jħeġġeġ lill-udjenzi biex jesploraw id-diversi forom li r-rakkontar jimmanifesta ruħu fih.
Għall-programm sħiħ u l-aħħar aġġornamenti jinsabu fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook tal-festival.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI