“Fit-tweġibiet tiegħi tajt il-pjan ta’ ħidma ta’ kif se naħdem fil-ħames snin li ġejjin.” Dan intqal mill-Kummissarju Ewropew nominat Malti Glenn Micallef lil ONE News, f’wieħed mill-ewwel kummenti li kellu mal-midja lokali, l-għada li sar il-“grilling” tal-Ewroparlamentari minn kumitati differenti u ngħata l-maġġoranza tal-voti.
“Tajt il-pjan tiegħi ta’ kif se jkun qed naħdem matul il-ħames snin li ġejjin u b’hekk stajt nindirizza ħafna minn dawk il-materji marbutin mal-portafoll taż-żgħażagħ, tal-isport, tal-kultura u l-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, li tant se jkun importanti matul iż-żmien li ġej.”
Micallef saħaq li ż-żgħażagħ se jkunu ta’ prijorità fil-mandat tiegħu, mhux biss għall-proġett Ewropew, iżda anke għall-valuri Ewropej.
“Biex aħna nibqgħu relevanti bħala Unjoni Ewropea u jeħtieġ li jkun hemm, we connect with young people, li nifhmu l-preokkopazzjonijiet tagħhom, il-pressjonijiet li jgħixu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, il-pressjonijiet marbutin mar-realtajiet tad-dinja li ngħixu fiha u dik se tkun kruċjali biex aħna jkollna l-parteċipazzjoni tagħhom fil-politika, iżda lil hinn minn dan kollu, fl-għaqdiet volontarji, fix-xogħol li jagħmlu fis-soċjetà, għax l-attiviżmu jwassal għal soċjetà aktar b’saħħitha.”
Micallef qal ma’ ONE News kif il-prijorità tiegħu fit-terminu l-ġdid se jkun dik li jkollu djalogu maż-żgħażagħ.
Hu sostna li dan il-proċess ta’ djalogu għandu jibqa’ għaddej kull sena fil-mandat ta’ ħames snin. Dwar l-appoġġ li kellu mill-poplu Malti, Glenn Micallef wieġeb hekk…
“Jien sodisfatt ħafna li kelli sapport minn kull att tal-isfera politika hawnhekk, xi ħaġa li lili timlini bil-kuraġġ fix-xogħol fix-xhur li ġejjin. Però kien messaġġ importanti fiż-żgħażagħ u fil-kapaċità tagħhom. Aħna fortunati li ġejjin minn pajjiż li nemmnu fil-kwalità taż-żgħażagħ, għandna żgħażagħ fil-kunsilli lokali, għandna żgħażagħ fil-Parlament u fil-Kabinett kollha b’potenzjal, kif għandna żgħażagħ fis-soċjetà ċivili, li bil-mod tagħhom qed jagħmlu riformi li huma importantissimi, mhux biss għal pajjiżna, iżda anke għall-Unjoni Ewropea.”
Il-mandat tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se tibda fl-ewwel ta’ Diċembru li ġej, wara l-approvazzjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew.