Il-Prim Ministru Robert Abela, fid-diskors tiegħu t-Tlieta filgħaxija, tkellem ukoll dwar is-suċċessi ta’ pajjiżna f’diversi oqsma, fejn tenna li hu kburi li dan il-Gvern ma waqafx jinvesti fin-nies.
Hawnhekk hu nnota anke d-differenza ċara bejn il-politika ta’ Gvernijiet passati Nazzjonalisti u dik ta’ Gvern Laburista.
Fejn naħa għandek żmien ta’ awsterità u, fuq in-naħa oħra, investiment kontinwu fil-Maltin u l-Għawdxin.
“Kburi li sena wara l-oħra nħallu dejjem aktar flus fil-but tan-nies, kburi li qed ninċentivaw l-investituri, ikomplu jikbru, ikomplu jinvestu f’pajjiżna, u lill-investituri kollha li jagħżlu li jinvestu ġewwa pajjiżna, kemm dawk barranin kif ukoll dawk lokali, nirringrazzjahom minn qalbi tal-fiduċja l-kbira li għandhom f’pajjiżna. Kburi ħafna li qegħdin naraw il-middle class tkompli tissaħħaħ u l-faxxa t’isfel tas-soċjetà tagħna li nkomplu dejjem intellgħuha ’l fuq għax iva, aħna nemmnu fil-mobilità soċjali.”
F’dan il-baġit il-Gvern anke ra li jħalli differenza pożittiva fil-familji Maltin u Għawdxin u aktar flus fil-bwiet tagħhom, fosthom bil-miżura ewlenija tal-qtugħ tat-taxxi.
“Ix-Shadow Minister tal-Finanzi, Graham Bencini, qalilna li – qed jibża’ minnek Clyde reġa’ naħseb – li t-tax-cut will not effect anyone’s life dramatically. Ara kemm ma nbdiltux – insensittivi kontu u insensittivi bqajtu. U maqtugħin fuq kollox fuq ir-realtajiet tan-nies. Grazzi għal din il-miżura se jkollna 18,000 familja li mhux se jħallsu ċenteżmu wieħed f’taxxa. Ara intom fi żmienkom, anke l-paga minima nazzjonali kontu bdejtu tintaxxaw. Kliem Graham huwa mera ta’ kliem Tonio Fenech dakinhar. Dakinhar, meta qbadnikom tintaxxaw il-paga minima, Tonio Fenech taf x’kien qal: a storm in a teacup.
Dr Abela anke għamel referenza għall-fatt li, fl-istess ħin li għandek Gvern iniedi u jħabbar miżura wara l-oħra biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, hemm Kap tal-Oppożizzjoni li moħħu biex iżid il-paga tiegħu u jħallas id-dejn kolossali tal-Partit Nazzjonalista minn fuq in-nies.
Fuq kollox, il-Prim Ministru tkellem dwar ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista fil-Gvern.
“Għal eluf kbar ta’ familji, dan il-baġit se jkun qed ifisser titjib sostanzjali fid-dħul tagħhom. Kburi li dan l-investiment b’saħħtu fis-soċjal huwa investiment b’saħħtu fil-ħajja tan-nies. Dawn huma l-valuri li jikkaratterizzaw lill-Partit Laburista fil-Gvern. Is-saħħa ta’ Gvern jien dejjem, għallimhieli Michael (Farrugia) din, li nsellimlu għall-ħidma tiegħu fis-soċjal, is-saħħa ta’ Gvern titkejjel fuq kemm jittratta tajjeb u jkun ġeneruż mal-pockets iż-żgħar tas-soċjetà tagħna.”
Hu tenna li l-investiment fl-anzjani tagħna lanqas waqaf, anke quddiem l-inġustizzji minn Gvern Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru ma naqasx ukoll isemmi l-ħemel ta’ miżuri fil-baġit, ilkoll immirati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.