Bernard Grech qal li ħa gost li l-Partit Laburista illikjalu dak li kellu jkun id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-PN.
Waqt li wieġeb mistoqsijiet ta’ ONE News f’konferenza tal-aħbarjiet, eżatt wara r-replika li għamel għall-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Kap tal-Oppożizzjoni pprova jbenġilha wara li ġie żvelat dak li hu stess ma riedx jippubblika fl-ewwel lok.
Dokument li internament fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess indikawlu li “m’għandux biżżejjed sugu”.
Bernard Grech: “Jien ħadt gost li d-dokument intern tagħna spiċċa f’idejn il-Labour.”
Kien il-Partit Laburista li t-Tnejn waranofsinhar ippubblika dan id-dokument sensittiv, ukoll miżgħud bl-iżbalji, wara li nħareġ minn xi ħadd fiċ-ċirku tal-Kap stess.
Dokument, li nkiteb minn Grech nnifsu, bl-għajnuna ta’ sitt esponenti oħrajn, iżda li qatt ma ra d-dawl tax-xemx wara li l-Partit Nazzjonalista għażel li ma joħorġux kif qalulu internament minn esperti li ġew ikkonsultati. Dawn jikkritikaw id-dokument u saħansitra rrimarkaw li hu nieqes mis-sustanza.
Madankollu, il-Kap Nazzjonalista pprova jbenġilha li l-leak minn ħdanu kienet xi ħaġa pożittiva, għax issa, skontu, hekk se jkun jista’ jkompli jiżviluppah, avolja kellu jippubblikah xhur ilu jew almenu qabel tħabbar il-Baġit.
Bernard Grech: “Ma jimpurtax, dak id-dokument li aħna se nkomplu niżviluppaw, għax hu d-dokument li aħna qed niżviluppaw.”
Sadanittant, il-midja indipendenti nnotat ukoll in-negattività tal-Kap Nazzjonalista fir-reazzjoni għall-Baġit għas-sena d-dieħla.
Fil-fatt, it-Tnejn filgħaxija stess hu ġie mistoqsi biex isemmi tliet miżuri mill-Baġit, li jaħseb li huma tajbin, bi Grech lanqas biss kien kapaċi jsemmi mqar waħda.
Ġurnalist: “Jekk tisma’ lilkom titkellmu, taħseb li l-baġit kitbu x-Xitan, għax jitkellem fuq Gvern li jrid jgħakkes lill-ħaddiem, ma jridhomx jgħixu kuntenti – il-verità mhijiex hekk. Tista’ ssemmi tliet miżuri li taħseb li ġenwinament kienu tajbin?”.
Bernard Grech: “Imma l-kwistjoni mhux dik Mark … il-kwistjoni mhux x’għandu tajjeb”.
Ara wkoll: